Gvern serju b’ekonomija b’saħħitha f’idejh ma jħallix lin-nies fid-dlam
AĦBAR

Gvern serju b’ekonomija b’saħħitha f’idejh ma jħallix lin-nies fid-dlam

Il-Kap tal-PN staqsa fejn kienu Robert Abela u Miriam Dalli waqt il-kriżi f’Għawdex, filwaqt li saħaq li l-Partit Nazzjonalista baqa’ qrib in-nies u se jibqa’ jaħdem b’serjetà u jżomm lill-Gvern responsabbli għall-ħarsien tal-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jgħid li Robert Abela u l-Ministru responsabbli ħallew lin-nies waħedhom waqt kriżi tad-dawl; il-PN se jibqa’ Oppożizzjoni preżenti li tisma’, tipproponi s-soluzzjonijiet u żżomm lill-Gvern kontabbli

Gvern serju b’ekonomija b’saħħitha ma jħallix lill-familji u lin-negozji fid-dlam. It-tkabbir ekonomiku ma jfisser xejn jekk in-nies ma jarawhx f’ħajjithom u ma jgawdux kwalità ta’ ħajja aħjar.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt intervista fil-programm Analiżi, imxandra l-Ħadd filgħodu fuq NET TV, NET FM u l-media soċjali.

Alex Borg qal li l-qtugħ tad-dawl li laqat diversi lokalitajiet, partikolarment f’Għawdex, reġa’ kixef id-differenza bejn iċ-ċifri tal-Gvern u r-realtà tal-familji u n-negozji. Familji li spiċċaw reqdin fil-karozzi, anzjani li kellhom imorru l-isptar għax bla dawl ma setgħux jużaw l-apparat mediku tagħhom, is-settur tat-turiżmu li fl-eqqel tal-istaġun spiċċa bla enerġija.

“Il-Ministru tista’ tiftaħar b’investiment ta’ €140 miljun, iżda l-mistoqsija hija x’riżultat kiseb il-poplu, li għadu qed jispiċċa fid-dlam,” qal Alex Borg.

Il-Kap tal-PN staqsa fejn kienu Robert Abela u Miriam Dalli waqt il-kriżi f’Għawdex, filwaqt li saħaq li l-Partit Nazzjonalista baqa’ qrib in-nies u se jibqa’ jaħdem b’serjetà u jżomm lill-Gvern responsabbli għall-ħarsien tal-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Alex Borg spjega li l-PN kompla jaħdem matul is-sajf għaliex il-problemi tan-nies ma jieħdux vaganza. Il-Partit iltaqa’ mal-imsieħba soċjali dwar il-kriżi tal-enerġija u fetaħ żewġ proċessi ta’ konsultazzjoni dwar l-appelli tal-ippjanar u l-Liġi tal-Ugwaljanza.

“Dan huwa l-istil tal-PN li qed nibni: Oppożizzjoni preżenti li tisma’, tiskrutinizza u tipproponi,” qal Alex Borg.

Dwar il-Kunsilli Lokali, huwa qal li taħt Gvern Laburista, il-Kunsilli tneżżgħu minn ħafna poteri biex il-Gvern ħa lura l-poteri kważi kollha f’idejh. Dan ifisser li l-Kunsilli Lokali spiċċaw qishom complaints office. Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-Kunsilli jerġgħu jingħataw l-awtonomija biex ikunu jistgħu jagħmlu l-aqwa deċiżjonijiet għal-lokalità tagħhom.

Alex Borg tkellem dwar il-laqgħat tiegħu ma’ diversi Kunsilli Lokali, fosthom dawk tal-Floriana, tas-Swieqi, ta’ Ta’ Sliema u ta’ San Ġiljan u qal li kull Kunsill għandu l-isfidi tiegħu li spiss qed jispiċċaw ma jistax isolvuhom minħabba nuqqas ta’ riżorsi u poteri.

B’referenza għall-ġuri dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Alex Borg qal li għażel il-prudenza b’rispett lejn il-Qorti, il-ġurija u d-dritt għal ġuri ġust. Il-PN qed isegwi l-proċess permezz ta’ tim legali u se jikkunsidra l-passi meħtieġa wara t-tmiem tal-ġuri.  Huwa qal li dan il-ġuri kompla jikxef x’kien għaddej f’Kastilja fi żmien Joseph Muscat u saħaq li kif jintemm il-ġuri, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jaħdem biex kull min b’xi mod jew ieħor kien involut f’dan l-assassinju jieħu dak li ħaqqu.

Alex Borg sostna li l-kawtela min-naħa tal-Partit Nazzjonalista ma kinitx frott il-biża’, iżda deċiżjoni biex ma jkun hemm l-ebda akkuża li b’xi mod il-Partit Nazzjonalista ippreġudika l-proċess. “L-għan tagħna huwa l-verità, ir-responsabbiltà u ġustizzja sħiħa ma’ Daphne u mal-familja tagħha.”

Il-Kap tal-PN temm jgħid li l-Partit se jkompli bil-ħidma tiegħu ta’ tisħiħ u tiġdid fil-ġimgħat li ġejjin.  Huwa ħabbar ukoll li  għall-Festi tal-Indipendenza il-Partit Nazzjonalista din is-sena se jmur lura fuq il-Fosos bejn it-18 u l-20 ta’ Settembru.

Alex Borg temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jibni fuq dak li beda.

“Se nkunu hemm għan-nies u man-nies: Oppożizzjoni serja llum biex inkunu gvern b’saħħtu għal għada.”

30.08.2026