Kundizzjonijiet inaċċettabbli għar-resits minħabba s-sħana
Il-kwalità fl-edukazzjoni ma tibdiex bis-slogans. Tibda billi nagħtu lill-istudenti u lill-edukaturi l-ambjent li jistħoqqilhom.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota bi tħassib is-sitwazzjoni li qed ikollhom jesperjenzaw studenti li bħalissa qed jagħmlu r-resits tal-MATSEC, u r-rapporti li għadd ta’ studenti kellhom jagħmlu dawn l-eżamijiet importanti f’kundizzjonijiet ta’ sħana insapportabbli minħabba nuqqas ta’ arja kkundizzjonata.
Matul l-aħħar jiem diversi studenti u invigilators ilmentaw dwar il-kundizzjonijiet li qed isiru fihom dawn ir-resits fl-eqqel tas-sajf, u kien hemm diversi rapporti minn ġenituri li wliedhom qed jesperjenzaw l-istess sitwazzjoni.
Dan mhuwiex aċċettabbli.
L-istudenti qed jagħmlu eżamijiet li jistgħu jkunu determinanti għall-futur tagħhom u għandhom id-dritt jagħmluhom f’ambjent sigur, dinjituż u xieraq għall-istudju. Ma nistgħux nitkellmu dwar titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni meta lanqas dak li huwa bażiku mhu garantit.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li l-edukazzjoni teħtieġ aktar riżorsi, investiment u pjan ċar fit-tul. Riċentement il-PN talab ukoll li l-Gvern iħaffef il-programm biex l-iskejjel ikollhom sistemi adegwati tal-arja kkundizzjonata, flimkien ma’ miżuri immedjati bħal ventilazzjoni aħjar biex l-istudenti u l-edukaturi jiġu protetti mis-sħana.
Il-PN qed jitlob:
- Pjan ċar u urġenti biex l-iskejjel ikollhom sistemi adegwati ta’ cooling u ventilazzjoni;
- Investiment akbar fl-infrastruttura tal-iskejjel, mhux biss proġetti ġodda iżda wkoll manutenzjoni preventiva kontinwa;
- Miżuri immedjati waqt heatwaves, partikolarment meta jsiru eżamijiet u resits;
- Aktar installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi fuq il-bjut tal-iskejjel;
- Aktar riżorsi għall-edukazzjoni, biex l-investiment fis-settur ilaħħaq mal-bżonnijiet reali tal-istudenti u l-edukaturi.
Il-kwalità fl-edukazzjoni ma tibdiex bis-slogans. Tibda billi nagħtu lill-istudenti u lill-edukaturi l-ambjent li jistħoqqilhom.
Biex nagħmlu qabża fil-kwalità l-ewwel irrid ikollna l-pedamenti sodi. Huwa evidenti li għad għandna nuqqasijiet kbar fil-pedamenti, fl-aktar affarijiet bażiċi.
Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jisma’ lill-istudenti, lill-ġenituri u lill-edukaturi, u jressaq soluzzjonijiet konkreti biex l-iskejjel tagħna jkunu tassew postijiet denji għall-edukazzjoni ta’ wliedna.
Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza
01.09.2026