Kundizzjonijiet inaċċettabbli għar-resits minħabba s-sħana

Il-kwalità fl-edukazzjoni ma tibdiex bis-slogans. Tibda billi nagħtu lill-istudenti u lill-edukaturi l-ambjent li jistħoqqilhom.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota bi tħassib is-sitwazzjoni li qed ikollhom jesperjenzaw studenti li bħalissa qed jagħmlu r-resits tal-MATSEC, u r-rapporti li għadd ta’ studenti kellhom jagħmlu dawn l-eżamijiet importanti f’kundizzjonijiet ta’ sħana insapportabbli minħabba nuqqas ta’ arja kkundizzjonata.

Matul l-aħħar jiem diversi studenti u invigilators ilmentaw dwar il-kundizzjonijiet li qed isiru fihom dawn ir-resits fl-eqqel tas-sajf, u kien hemm diversi rapporti minn ġenituri li wliedhom qed jesperjenzaw l-istess sitwazzjoni.

Dan mhuwiex aċċettabbli.

L-istudenti qed jagħmlu eżamijiet li jistgħu jkunu determinanti għall-futur tagħhom u għandhom id-dritt jagħmluhom f’ambjent sigur, dinjituż u xieraq għall-istudju. Ma nistgħux nitkellmu dwar titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni meta lanqas dak li huwa bażiku mhu garantit.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li l-edukazzjoni teħtieġ aktar riżorsi, investiment u pjan ċar fit-tul. Riċentement il-PN talab ukoll li l-Gvern iħaffef il-programm biex l-iskejjel ikollhom sistemi adegwati tal-arja kkundizzjonata, flimkien ma’ miżuri immedjati bħal ventilazzjoni aħjar biex l-istudenti u l-edukaturi jiġu protetti mis-sħana.

Il-PN qed jitlob:

  • Pjan ċar u urġenti biex l-iskejjel ikollhom sistemi adegwati ta’ cooling u ventilazzjoni;
  • Investiment akbar fl-infrastruttura tal-iskejjel, mhux biss proġetti ġodda iżda wkoll manutenzjoni preventiva kontinwa;
  • Miżuri immedjati waqt heatwaves, partikolarment meta jsiru eżamijiet u resits;
  • Aktar installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi fuq il-bjut tal-iskejjel;
  • Aktar riżorsi għall-edukazzjoni, biex l-investiment fis-settur ilaħħaq mal-bżonnijiet reali tal-istudenti u l-edukaturi.

Il-kwalità fl-edukazzjoni ma tibdiex bis-slogans. Tibda billi nagħtu lill-istudenti u lill-edukaturi l-ambjent li jistħoqqilhom.

Biex nagħmlu qabża fil-kwalità l-ewwel irrid ikollna l-pedamenti sodi. Huwa evidenti li għad għandna nuqqasijiet kbar fil-pedamenti, fl-aktar affarijiet bażiċi.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jisma’ lill-istudenti, lill-ġenituri u lill-edukaturi, u jressaq soluzzjonijiet konkreti biex l-iskejjel tagħna jkunu tassew postijiet denji għall-edukazzjoni ta’ wliedna.

Jerome Caruana Cilia
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza

01.09.2026