Il-festi tal-Indipendenza mill-ġdid fuq il-Fosos
Il-qofol jintlaħaq il-Ħadd, 20 ta’ Settembru bil-Mass Meeting indirizzat mill-Kap tal-PN Alex Borg u t-tlugħ tal-bandiera Maltija f’nofsillejl.
Il-Partit Nazzjonalista jniedi ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza għal din is-sena li se jsiru bejn it-18 u l-20 ta’ Settembru
Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza mill-ġdid il-festi tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Furjana.
Din is-sena, se nkunu qed niċċelebraw it-62 sena mit-twelid ta’ pajjiżna u għalhekk, kien xieraq li wara nuqqas ta’ tmien snin l-attivitajiet jerġgħu lura fid-dar naturali tagħhom, qrib iż-żona fejn seħħet il-kisba tal-Indipendenza fl-1964.
Dan kien il-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello meta lbieraħ filgħaxija nieda l-festi ta’ din is-sena waqt intervent fuq NET Television. Hu ħabbar li l-festi se jkunu mifruxin fuq tlett ijiem – bejn it-18 u l-20 ta’ Settembru – b’attivitajiet li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.
Filwaqt li l-programm jinkludi l-attivitajiet politiċi u d-disklussjonijiet, bħas-soltu kull filgħaxija tul dawn it-tlett ijiem se jkun qed jittella’ wkoll il-programm ta’ divertiment Indifest b’attivitajiet għall-familja kollha.
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN spjega kif matul it-tlett ijiem se jkun hemm attivitajiet mużikali, diskussjonijiet u anke żona għat-tfal. Dan minbarra spettaklu kull filgħaxija fuq il-palk prinċipali. Ma jonqsux ukoll l-istands tal-ikel ix-xorb mifruxin mal-Fosos. Se ssir ukoll il-ġirja annwali tal-Indipendenza organizzata minn Tim Sport Partit Nazzjonalista waqt li lejliet l-Indipendenza titqiegħed kuruna f’riġlejn il-Monument tal-Indipendenza qabel il-bidu tal-attivitajiet tal-ġurnata.
Il-qofol imbagħad jintlaħaq il-Ħadd, 20 ta’ Settembru bil-Mass Meeting indirizzat mill-Kap tal-PN Alex Borg u t-tlugħ tal-bandiera Maltija f’nofsillejl.
02.09.2026