Delegazzjoni tal-PN tiltaqa’ mal-Prim Ministru Ungeriż f’Budapest
Matul il-laqgħat, Charles Bonello stieden lir-rappreżentanti tal-partit TISZA mmexxi mill-PM Ungeriż Péter Magyar għal żjara f’Malta.
Il-Partit Nazzjonalista jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu bil-parteċipazzjoni f’delegazzjoni tal-PPE li żaret l-Ungerija
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello u s-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea ħadu sehem f’sensiela ta’ laqgħat organizzati mill-Partit Popolari Ewropew (PPE) f’Budapest waqt żjara uffiċjali li għamlet delegazzjoni tal-PPE fl-Ungerija. Id-delegazzjoni tmexxiet mis-Segretarju Ġenerali tal-PPE Dolors Montserrat.
Matul iż-żjara, id-delegazzjoni ltaqgħet mal-Prim Ministru tal-Ungerija u President ta’ TISZA, Péter Magyar. Saru wkoll diversi laqgħat ma’ uffiċjali tal-partit u rappreżentanti eletti.
Il-partit TISZA kiseb rebħa storika fl-elezzjoni ġenerali Ungeriża ta’ April li għadda, meta rebaħ aktar minn 53% tal-voti.
Matul il-laqgħat, Charles Bonello stieden lir-rappreżentanti ta’ TISZA għal żjara f’Malta.
“Il-Partit Nazzjonalista jinsab lest li jaqsam l-esperjenza tiegħu u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ strutturi interni sodi fi ħdan TISZA bħala partit relattivament ġdid. Żjara f’Malta tista’ twassal għal skambju konkret ta’ ideat u esperjenzi bejn iż-żewġ partiti,” qal Charles Bonello.
Iż-żjara f’Budapest kienet marbuta mal-applikazzjoni ta’ TISZA biex tissieħeb fil-Partit Popolari Ewropew. Il-laqgħat ikkonfermaw il-qrubija bejn TISZA u l-PPE, kif ukoll l-impenn komuni għal aktar koperazzjoni fi ħdan il-familja politika Ewropea taċ-Ċentru-Lemin.
L-impenn li jmiss tal-Partit Nazzjonalista fi ħdan il-PPE se jkun fl-Assemblea Politika li se ssir f’Toulouse lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar. Matul din il-laqgħa, is-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea se jinforma lill-familja tal-PPE bl-aħħar żviluppi politiċi f’pajjiżna.
07.09.2026




