Irridu nippjanaw serjament fit-tul għall-pajjiż u l-Partit Nazzjonalista qed joffri l-id tal-ħbiberija lill-Gvern
AĦBAR

Irridu nippjanaw serjament fit-tul għall-pajjiż u l-Partit Nazzjonalista qed joffri l-id tal-ħbiberija lill-Gvern

Waqt din il-laqgħa ta’ qabel il-budget, li saret fl-uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Belt Valletta, Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab fuq l-istess binarju tal-Malta Chamber fejn jidħol il-bżonn urġenti li jkun rivedut il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna u li jsir l-investiment urġenti meħtieġ f’diversi oqsma.

Il-Kap tal-PN Alex Borg jiltaqa’ mal-Kamra tal-Kummerċ; diskussa l-importanza ta’ investiment bi pjan f’diversi oqsma u l-bżonn ta’ bidla fil-mudell ekonomiku tal-pajjiż

Il-bżonn ta’ investiment serju u bi pjan li jħares mhux biss lejn il-bżonnijiet tal-lum imma anke tal-futur kien it-tema prinċipali ta’ laqgħa bejn il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u numru ta’ Shadow Ministers ma’ delegazzjoni mill-Malta Chamber of Commerce, il-Kamra tal-Kummerċ.

Waqt din il-laqgħa ta’ qabel il-budget, li saret fl-uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Belt Valletta, Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab fuq l-istess binarju tal-Malta Chamber fejn jidħol il-bżonn urġenti li jkun rivedut il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna u li jsir l-investiment urġenti meħtieġ f’diversi oqsma.

Il-Partit Nazzjonalista u l-Kamra tal-Kummerċ jaqblu dwar il-ħtieġa urġenti ta’ strateġija għat-traffiku, dwar investiment fit-trasport, fl-edukazzjoni li twassal għall-iżvilupp ta’ ħiliet fit-teknoloġija, fl-AI u ħiliet oħra li huma bżonjużi llum u li se jkunu neċessarji għal xogħlijiet ta’ għada, u dwar il-bżonn ta’ aktar diġitalizzazzjoni fl-industriji, anke f’dawk aktar tradizzjonali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-problemi li qed jiffaċċjaw ħafna negozji minħabba n-nuqqas ta’ investiment bi pjan fl-enerġija. Huwa qal li sa dalgħodu stess kien hemm qtugħ fil-provvista tal-elettriku. Il-qtugħ tal-lum, qal Alex Borg, jikxef kemm din mhix sempliċement problema ta’ distribuzzjoni, bħalma ntqal fis-sajf, imma huwa evidenti li pajjiżna għandu wkoll  problema ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku. Hu sostna li qed jidher ċar li mingħajr l-interconnector, pajjiżna jkollu problemi serji ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku.

Huwa tkellem ukoll dwar it-turiżmu fejn saħaq dwar il-ħtieġa li ma nibqgħux inħarsu biss lejn in-numri tat-turisti meta llum nafu li minkejja ż-żieda fit-turisti, id-dħul reali naqas.

Iż-żewġ naħat qablu fuq il-bżonn li l-Gvern jaħdem id f’id mal-Oppożizzjoni li ilha toffri l-id tal-ħbiberija, biex inbiddlu d-direzzjoni u naħdmu verament għal pajjiż aktar effiċjenti u sostenibbli.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia; ix-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Darren Carabott; ix-Shadow Minister għall-Infrastruttura u x-Xogħol Julian Borg; ix-Shadow Minister għall-Ippjanar Rebekah Borg u x-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent Mark Anthony Sammut.

08.10.2026