Irridu ninvestu aktar fil-ħaddiema tagħna biex nagħtuhom il-ħiliet meħtieġa għal dinja li qed tinbidel
AĦBAR

Irridu ninvestu aktar fil-ħaddiema tagħna biex nagħtuhom il-ħiliet meħtieġa għal dinja li qed tinbidel

L-enfasi li qed tagħmel il-UĦM Voice of the Workers fuq il-ħtieġa ta’ investiment serju fir-reskilling u l-upskilling hija valida jekk irridu li jkollna ħaddiema li huma mħarrġa għax-xogħol tal-lum u ta’ għada. B’hekk ikollna mhux biss ħaddiema li jkollhom il-ħiliet ġodda li jeħtieġu f’dinja tax-xogħol li dejjem tinbidel, imma nkunu qed inwittu t-triq għal produttività reali akbar.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg jgħid li l-enfasi li qed tagħmel il-UĦM Voice of the Workers fuq ir-reskilling u l-upskilling hija valida ħafna jekk irridu jkollna ħaddiema mħarrġa li jżidu l-produttività

L-enfasi li qed tagħmel il-UĦM Voice of the Workers fuq il-ħtieġa ta’ investiment serju fir-reskilling u l-upskilling hija valida jekk irridu li jkollna ħaddiema li huma mħarrġa għax-xogħol tal-lum u ta’ għada. B’hekk ikollna mhux biss ħaddiema li jkollhom il-ħiliet ġodda li jeħtieġu f’dinja tax-xogħol li dejjem tinbidel, imma nkunu qed inwittu t-triq għal produttività reali akbar.

Waqt laqgħa ma’ delegazzjoni mill-UĦM Voice of the Workers bi tħejjija għall-Budget 2027, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fakkar kif fil-programm elettorali tal-PN kienet ġiet proposta Skills Card li toffri opportunitajiet ta’ taħriġ f’ħiliet lill-ħaddiem.

Huwa tkellem dwar diversi proposti oħra tal-UĦM li huma paralleli ma’ dawk tal-PN fosthom proposti biex ikun hemm ġimgħa ta’ xogħol iqsar biex il-ħaddiem ikollu aktar ħin xi jqatta’ mal-għeżież tiegħu u għalih innifsu. Il-Partit Nazzjonalista ilu jitlob diskussjoni nazzjonali dwar ġimgħa iqsar ta’ xogħol u dwar kif nistgħu inżidu r-remote working. Dan jista’ jiffaċilita l-ħajja tal-ħaddiem filwaqt li tinzamm il-produttività meħtieġa.

Iż-żewġ naħat qablu li jeħtieġ li ma nibqgħux inħarsu lejn il-ħaddiem bħala ħaddiem biss, imma niftakru li l-ħaddiem hu bniedem li għandu dritt jgħix u jgawdi ħajtu lil hinn mix-xogħol.

Il-UĦM qed tipproponi wkoll it-tneħħija tat-taxxa fuq il-COLA u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u aktar appoġġ lill-ġenituri sakemm uliedhom jagħlqu t-tliet snin biex dawn ikollhom aktar ħin magħhom. Qed tissuġġerixxi wkoll aktar sostenn għal min ikun irid jieħu ħsieb lill-qraba tiegħu fil-forma ta’ għajnuna finanzjarja u anke leave speċjali biex min jidħol għal din ir-responsabbiltà ma jkollux jiffaċċja problemi oħra ta’ xogħol.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jekk irridu li verament inħajru aktar nies jibdew familja, irridu niżguraw li noffrulhom mhux biss l-għajnuna finanzjarja imma wkoll l-opportunitajiet li jqattgħu l-ħin ma’ wliedhom.

Għal din il-laqgħa, li saret fl-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-binja tal-AŻAD fil-Belt Valletta, kienu preżenti wkoll ix-Shadow Minister għall-Infrastruttura u x-Xogħol Julian Borg; ix-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Darren Carabott u l-Kelliema għax-Xogħol Annabelle Cilia.

Din kienet laqgħa oħra minn sensiela ta’ laqgħat li l-Partit Nazzjonalista qed ikollu mal-imsieħba soċjali qabel il-budget li se jiġi ppreżentat fil-jiem li ġejjin.

09.10.2026