Għandna bżonn budget li ma jħarisx lejn l-elezzjoni li jmiss imma lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan għandu jkun budget li jagħti prijorità lil miżuri li huma fl-interess tal-pajjiż kollu, li jiżgura li l-ġid qed jitqassam b’mod ġust u li jagħti tama liż-żgħażagħ tagħna li jistgħu jibnu l-futur tagħhom f’pajjiżna.
Il-Kap tal-PN Alex Borg f’laqgħa mal-GWU; iż-żewġ naħat jiddiskutu diversi proposti li jistgħu jagħtu opportunitajiet aħjar lill-ħaddiema u l-familji
Għandna bżonn budget li ma jħarisx lejn l-elezzjoni li jmiss jew lejn il-voti, imma wieħed li jaħseb verament għall-ġenerazzjonijiet mhux biss tal-lum imma anke għal dawk li ġejjin.
Waqt laqgħa mal-General Workers Union bi tħejjija għall-Budget 2027, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg qal li l-GWU u l-Partit Nazzjonalista għandhom numru ta’ proposti li huma mibnija fuq l-istess ideat u direzzjoni. Fost dawn huwa semma li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, il-COLA, ma tkunx intaxxata; li nħarsu lejn mudell ta’ ħidma b’inqas sigħat ta’ xogħol u li ninvestu f’taħriġ lill-ħaddiema kemm permezz ta’ upskilling u ta’ reskilling, b’mod partikolari fl-Intelliġenza Artifiċjali.

Alex Borg qal li l-budget li ġej għandu jkun wieħed li jibni fuq il-Viżjoni 2050 u għandu jgħin biex jibni pajjiż aktar reżiljenti u fuq kollox aktar sostenibbli, li jara li jagħti aktar opportunitajiet biex il-ħaddiema u l-familji mhux biss jaqilgħu aktar imma aktar minn hekk li jgħixu ħajja verament ta’ kwalità.
Huwa sostna li rridu nbiddlu d-direzzjoni fl-enerġija billi ninvestu serjament fl-enerġija li tiġġedded – fejn Malta qiegħda kważi l-aħħar fl-Ewropa – biex niżguraw aktar indipendenza fil-ġenerazzjoni tal-elettriku.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan għandu jkun budget li jagħti prijorità lil miżuri li huma fl-interess tal-pajjiż kollu, li jiżgura li l-ġid qed jitqassam b’mod ġust u li jagħti tama liż-żgħażagħ tagħna li jistgħu jibnu l-futur tagħhom f’pajjiżna.

Id-delegazzjoni tal-GWU tkellmet dwar numru ta’ proposti li qed tressaq għal dan il-budget u sostniet li dan għandu jkun budget li jieħu ħsieb lin-nies u lill-ħaddiema, b’enfasi wkoll fuq is-saħħa mentali tan-nies. L-uffiċjali tal-union enfasizzaw ukoll il-ħtieġa ta’ politika effettiva għat-trasport u l-ħtieġa ta’ strateġija serja għall-popolazzjoni.
Din il-laqgħa, li saret fl-AŻAD fil-Belt Valletta, tagħmel parti minn sensiela ta’ laqgħat li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista mal-imsieħba soċjali qabel il-budget u preżenti għaliha kien hemm ix-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Darren Carabott; ix-Shadow Minister għall-Infrastruttura u x-Xogħol Julian Borg; il-Kelliema għax-Xogħol Annabelle Cilia u l-Kelliem għall-Kwalità tal-Ħajja Ian Vassallo Hagi.
12.10.2026
