Irridu niżguraw li jkollna żvilupp li l-poplu jkun kburi bih
AĦBAR

Irridu niżguraw li jkollna żvilupp li l-poplu jkun kburi bih

Waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA), il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-iżvilupp huwa settur importanti għall-ekonomija tal-pajjiż, iżda li kull żvilupp irid isir bi pjan.

Il-Kap tal-PN Alex Borg f’laqgħa mal-MDA; diskussi diversi temi marbuta mal-iżvilupp f’pajjiżna; qbil li l-infrastruttura trid tkun pjanata qabel l-iżvilupp

Irridu niżguraw li jkollna tip ta’ żvilupp li l-poplu Malti jkun kburi bih.

Waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA), il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-iżvilupp huwa settur importanti għall-ekonomija tal-pajjiż, iżda li kull żvilupp irid isir bi pjan.

Huwa saħaq fuq l-importanza li jkollna policy għall-estetika li tiżgura li l-bini jkun isebbaħ l-ambjent, li pajjiżna jkollu skyline policy u li ssir diskussjoni dwar ir-reviżjoni tal-pjanijiet lokali li ilhom ma jinbidlu mill-2006.

Hu qabel mal-punti tal-MDA li talbu li l-infrastruttura tkun pjanata qabel l-iżvilupp u mhux bil-kontra, kif ukoll dwar il-bżonn li pajjiżna jnaqqas id-dipendenza għall-enerġija fuq pajjiżi oħra billi jinvesti b’serjetà fl-enerġija rinnovabbli.

Iż-żewġ naħat qablu dwar il-ħtieġa ta’ investiment akbar fl-infrastruttura tal-pajjiż inkluż fit-toroq, l-enerġija u d-drenaġġ, u dwar il-bżonn ta’ qbil bejn iż-żewġ partiti fuq sistema tat-trasport tal-massa biex dan ikun proġett li jibqa’ għaddej anke meta jkun hemm bidla fil-Gvern.

Min-naħa tagħha, l-MDA qalet li minbarra r-riforma fil-proċess tal-appelli, jeħtieġ ukoll riforma komprensiva fil-policies biex dawn ikunu jirriflettu r-realtajiiet tal-lum. Semmiet ukoll il-bżonn ta ‘ skejjel speċjalizzati fil-ħiliet marbuta mal-qasam tal-iżvilupp – proposta li qed jagħmel ukoll il-Partit Nazzjonalista biex ikun hemm taħriġ speċjalizzat f’ħiliet differenti.

Il-Kap tal-PN qal li dan huwa Budget li jrid iwitti t-triq għal pajjiżna minn issa sal-2050 u li rridu niżguraw li t-tkabbir li qed nesperjenzaw illum mhux biss huwa sostenibbli imma li qed jilħaq lil kulħadd.

Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia, ix-Shadow Minister għall-Ippjanar Rebekah Borg, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija, u Proġetti Strateġiċi Darren Carabott, ix-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent Mark Anthony Sammut, ix-Shadow Minister għall-Infrastruttura u x-Xogħol Julian Borg u x-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Stanley Zammit.

Il-laqgħa, li tagħmel parti minn sensiela tal-lagħat ta’ qabel il-Budget, saret fl-uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Belt Valletta.

20.10.2026