Agħmel Pass ’Il Quddiem
L-MNPN iniedi programm ġdid ta’ taħriġ u formazzjoni għan-nisa fil-ħajja pubblika u fil-politika b’kollaborazzjoni mal-AŻAD
Il-Partit Nazzjonalista llum nieda programm ġdid ta’ taħriġ u formazzjoni għan-nisa li se jkun organizzat mill-Moviment Nisa tal-Partit Nazzjonalista (MNPN) bl-appoġġ tal-Fondazzjoni AŻAD.
Agħmel Pass ’Il Quddiem se jkun programm li se joffri l-opportunità lil nisa interessati li jtejbu l-ħiliet tagħhom f’diversi aspetti tal-ħajja pubblika u jridu jagħtu sehemhom fil-politika biex jagħmlu dan. L-iskop tal-kors hu li jagħti kunfidenza u joħloq netwerk ta’ appoġġ għan-nisa li jixtiequ jagħmlu pass ’il quddiem fil-ħajja pubblika u fl-attiviżmu.
Il-programm tnieda waqt attività li saret fid-Dar Ċentrali u li kienet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello, minn Sarah Bajada, u mill-President tal-MNPN Marie Claire Zammit u l-Kap Eżekuttiv tal-AŻAD Roderick Agius. Matul l-attività diversi nisa fi rwoli jew karigi differenti – fosthom il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola – wasslu messaġġ bit-testimonjanza tagħhom bl-iskop li jħajru lin-nisa jidħlu għal dan il-programm.
F’pajjiż żgħir daqs tagħna, il-politika tmiss kull aspett ta’ ħajjitna: l-għoli tal-ħajja, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, it-trasport, l-iskejjel, is-saħħa, il-kwalità tal-ħajja fil-lokalitajiet tagħna, u l-opportunitajiet li wliedna se jirtu warajna. Madanakollu, għal żmien twil wisq, il-vuċijiet tan-nisa ma kinux rappreżentati biżżejjed fit-teħid tad-deċiżjonijiet, fl-istrutturi tal-partiti, fil-kunsilli lokali u fil-Parlament.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ried jagħmel xi ħaġa dwar dan, għax jemmen fil-potenzjal tan-nisa u jemmen li kemm il-PN stess, kif ukoll pajjiżna, jibbenefikaw b’aktar nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Hu għal din ir-raġuni li qed iniedi dan il-programm b’għan wieħed ċar: li nressqu aktar nisa lejn il-politika.
Il-PN jirrikonoxxi li l-politika spiss tinbena fuq normi u valuri maskili, u xi drabi dan joħloq ostakli għan-nisa: pressjonijiet ta’ ħin, netwerks mhux miftuħin biżżejjed, il-biża’ li wieħed jiġi ġġudikat, abbuż online, kultura li kultant tikkastiga lin-nisa talli jitkellmu b’awtorità, u s-sens li l-politika hija dinja li tista’ tidħol fiha biss jekk diġà “taf lil xi ħadd”. Imma l-Partit Nazzjonalista jrid u huwa impenjat li dan ibiddlu. Għaldaqstant il-PN jappella lin-nisa li jimpurtahom mill-ġustizzja, mill-istandards fil-ħajja pubblika, u mill-kwalità ta’ ħajja li rridu għalina u għall-ġenerazzjonijiet futuri biex jirreġistraw għal dan il-programm ta’ formazzjoni, li se jkun qed joffri:
- Tisħiħ tal-ħiliet meħtieġa biex titkellem fil-pubbliku u twassal il-messaġġ tiegħek b’mod kunfidenti u b’konvinzjoni;
- Tagħlim kif tibni relazzjoni mal-midja, tikteb stqarrija għall-istampa u tilqa’ għal kritika fuq il-midja soċjali;
- Tagħrif dwar kif jitfasslu u jiġu approvati l-liġijiet, kif jaħdem il-Parlament u kif titfassal il-politika;
- Għodod dwar kif tfassal strateġija u kif titmexxa kampanja elettorali;
- Taħriġ fil-kapaċità li tħalli t-timbru personali u ttejjeb il-messaġġ politiku tiegħek;
- Tagħtlim dwar l-istorja, il-valuri u l-kisbiet tal-Partit Nazzjonalista;
- Sħubija f’netwerk ta’ kollegi li jappoġġaw lil xulxin anki wara li jintemm il-kors.
Fil-fatt, dan kollu mhux se jispiċċa b’ċertifikat u tieqaf hemm. Il-parteċipanti se jkunu mistiedna jkomplu jaħdmu fi rwoli oħra billi jieħdu sehem f’policy groups, ħidma fil-komunità, kampanji li jniedi l-partit, kumitati tal-partit, u anke l-possibbiltà ta’ kandidatura għal karigi interni jew elezzjonijiet lokali, inkella fuq livell nazzjonali u Ewropew. Dan għaliex il-PN jemmen li t-talent jista’ jissarraf f’opportunità.
Għal dan il-programm jistgħu japplikaw nisa li diġà huma attivi fil-PN jew fil-komunità tagħhom tagħhom u jixtiequ jagħmlu l-pass li jmiss, dawk li għalkemm ma jarawx lilhom infushom bħala “politiċi” jimpurtahom minn pajjiżhom u jridu jagħtu sehem fl-istrutturi tal-Partit, u anke nisa li qed jikkunsidraw li jikkontestaw l-elezzjonijiet ġenerali jew lokali.
Il-programm se jkun mifrux fuq erba’ ġimgħat bejn is-Sibt 28 ta’ Frar u s-Sibt 21 ta’ Marzu u s-sessjonijiet se jsiru l-AŻAD u fid-Dar Ċentrali tal-PN. Għal aktar dettalji u biex wieħed japplika jista’ jidħol fuq bit.ly/AgħmelPassIlQuddiem. L-applikazzjonijiet huma miftuħin sas-26 ta’ Frar 2026.
02.02.2026


