Aktar awtonomija lill-MCAST biex ikun inqas dipendenti fuq il-gvern
AĦBAR

Aktar awtonomija lill-MCAST biex ikun inqas dipendenti fuq il-gvern

Il-Kap tal-PN Alex Borg fost l-edukaturi u l-istudenti tal-MCAST f’Raħal Ġdid

Il-Kap tal-PN Alex Borg fost l-edukaturi u l-istudenti tal-MCAST f’Raħal Ġdid

Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħti aktar awtonomija lill-MCAST biex il-Kulleġġ ikun inqas dipendenti fuq il-gvern u jkun jista’ jkompli jaħdem b’aktar flessibbiltà u b’viżjoni fit-tul. Se jara wkoll li s-sistema edukattiva tiffoka aktar fuq il-ħtiġijiet tal-istudenti biex dawn ikollhom l-aqwa opportunitajiet li jirnexxu fl-istudji tagħhom u fil-ħajja professjonali. Biex ħadd ma jibqa’ lura.

Dan kien il-messaġġ li għadda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara fost l-istudenti tal-MCAST f’Raħal Ġdid, fejn intlaqa’ mill-amministrazzjoni tal-Kulleġġ, filwaqt li tkellem ma’ diversi edukaturi u studenti.

Waqt iż-żjara ġiet diskussa l-importanza tal-edukazzjoni vokazzjonali u teknika, kif ukoll ir-rwol kruċjali li għandu l-MCAST fit-tħejjija taż-żgħażagħ għad-dinja tax-xogħol u għall-ħtiġijiet ekonomiċi tal-pajjiż.

Il-Kap tal-PN fakkar ukoll kif l-MCAST twaqqaf minn Gvern Nazzjonalista bħala parti mill-viżjoni fit-tul li dejjem kellu l-Partit Nazzjonalista favur edukazzjoni moderna, inklussiva u marbuta mal-ħtiġijiet reali tas-soċjetà u tal-ekonomija.

Din iż-żjara serviet ukoll bħala opportunità biex jiġi enfasizzat il-bżonn li l-istituzzjonijiet edukattivi jingħataw l-għodod u r-riżorsi meħtieġa biex ikomplu joffru edukazzjoni ta’ kwalità u opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Matul iż-żjara, Alex Borg kien akkumpanjat mill-kandidati tal-PN għall-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju Bernice Bonello, Stefan Caruana, Marilena Gauci, Joseph Grech u Justin Schembri.

14.05.2026