Oriġinarjament ippubblikat Il-Mument
Lesti biex nagħtu Nifs Ġdid lil pajjiżna
Bħal-lum ġimgħa Malta tqum wara waħda mill-aktar għażliet importanti li se tkun għamlet fl-istorja moderna tagħha. Id-deċiżjoni li se tkun saret bil-vot tagħna l-jum ta’ qabel mhijiex biss dwar min se jkun qed jiggverna pajjiżna fil-ħames snin li ġejjin, imma wkoll dwar x’tip ta’ pajjiż irridu. Jiena nemmen li Malta hi lesta għal kapitlu ġdid. Kapitlu aktar ambizzjuż, aktar bilanċjat u aktar uman.
This article was also published in English on the Sunday Times of Malta.
Fl-elezzjoni tas-Sibt li ġej mhux biss se nagħżlu min se jiggverna pajjiżna fil-ħames snin li ġejjin, imma se nagħżlu wkoll x’tip ta’ pajjiż irridu
Bħal-lum ġimgħa Malta tqum wara waħda mill-aktar għażliet importanti li se tkun għamlet fl-istorja moderna tagħha.
Id-deċiżjoni li se tkun saret bil-vot tagħna l-jum ta’ qabel mhijiex biss dwar min se jkun qed jiggverna pajjiżna fil-ħames snin li ġejjin, imma wkoll dwar x’tip ta’ pajjiż irridu. Jiena nemmen li Malta hi lesta għal kapitlu ġdid. Kapitlu aktar ambizzjuż, aktar bilanċjat u aktar uman.
Jekk tistaqsi n-nies kif sejjer pajjiżna bħalissa bit-tmexxija preżenti, ħafna jagħtuk żewġ tweġibiet. Hemm it-tweġiba uffiċjali, u hemm dik tal-mod kif in-nies qed tgħix tabilħaqq fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-lingwa użata għat-tweġiba uffiċjali tirrifletti n-numri, mhux in-nies. Tweġiba limitata biss għat-tkabbir tal-ekonomija. Dak li jgħodd għalihom. Li nibqgħu nattiraw l-investiment u noħolqu l-opportunitajiet.
Imma n-nies ma tgħixx bl-istatistiċi u n-numri. In-nies tgħix fid-djar, fit-toroq, fil-postijiet tax-xogħol, fl-iskejjel u fil-komunitajiet. Il-ħaddiema jgħixu fil-ħela ta’ ħin fit-traffiku sakemm jaslu għall-post tax-xogħol tagħhom. In-nies qed jgħixu l-isfida enormi biex jaffordjaw id-dar tagħhom. Jgħixu fl-arja mniġġsa kawżata mill-isfreġju ambjentali. Jgħixu bit-tama li għada jkunu stressjati inqas mil-lum.
Il-mistoqsija mhijiex dwar jekk kibritx l-ekonomija ta’ pajjiżna. Iva, kibret. Il-mistoqsija hi dwar jekk dan it-tkabbir hux qed itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu fil-gżejjer tagħna.
Minkejja t-tkabbir ekonomiku, għandna wisq familji li jħossu li tbiegħdu wisq minn dak li hu bażiku għal ħajja bilanċjata bejn xogħol u mistrieħ. It-traffiku qed jisirqilna wisq ħin li nistgħu nqattgħuh mal-familja. Il-piż tal-proprjetà qed jagħfas wisq fuq spallet iż-żgħażagħ tagħna. Il-komunitajiet tagħna saru ffullati wisq. L-ispazji miftuħa sirna napprezzawhom aktar għax tant naqsu. In-nies għajjew bl-istorbju, għajjew bil-firda ta’ bejnietna u għajjew bi stil ta’ politika li ħafna drabi aktar titkellem milli tisma’.
It-tkabbir ekonomiku għandu jara li jtejjeb il-ħajja tan-nies. L-ekonomija għandha sservi lill-familji, mhux bil-kontra. L-iżvilupp għandu jsaħħaħ il-komunitajiet. Il-politika għandha tkun ta’ servizz għan-nazzjon.
Nifs Ġdid mhuwiex biss wegħda tal-kampanja elettorali. Hu mod innovattiv ta’ kif tiggverna. Mod kif tkejjel is-suċċess tan-nies mhux bl-istatistiċi u r-rapporti, imma bil-mod kif iħossu li qed jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
F’dawn l-aħħar snin Malta nbidlet b’mod mgħaġġel. Inħolqu l-opportunitajiet, l-investiment żdied. Setturi sħaħ immodernizzaw ruħhom. Imma matul it-triq in-nies intebħet li qed titlef il-bilanċ tant importanti fil-ħajja tal-familja. Wisq nies qed iħossuhom għajjenin aktar milli ottimisti. Wisq familji qed iħossu li ħajjithom saret taqbida għall-ħin, għall-ispazju għas-serħan il-moħħ.
Malta jistħoqqilha terġa’ tieħu r-ruħ. Jistħoqqilha nifs ġdid.
Dan ifisser li l-ġenituri jaħlu anqas ħin imwaħħla fit-traffiku. L-anzjani jirċievu kura b’dinjità u eqreb lejn darhom. Uliedna jikbru jimirħu fi spazji miftuħa, mhux biss b’siti ta’ kostruzzjoni kull fejn titfa’ ħarstek. Iż-żgħażagħ jemmnu li Malta tista’ tkun pajjiż fejn joħolmu li jibnu l-futur tagħhom, pajjiż fejn jgħixu, mhux biss fejn jaqilgħu l-għajxien tagħhom.
Ifisser spazji pubbliċi aktar nodfa, aktar investiment fis-saħħa, partikolarment fis-saħħa mentali, u ambjent li jirrispetta l-ġenerazzjonijiet tal-futur.
Il-politika m’għandhiex tiddomina l-ħajja tan-nies, imma ttejjibha. Din hi t-tip ta’ tmexxija li rrid noffri jien. Għalhekk dħalt fil-politika. Għax nemmen li t-tmexxija għandha tkun eqreb tar-realtajiet ta’ kuljum tan-nies. Tal-preokkupazzjonijiet tal-familji żgħażagħ, tal-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum il-ħaddiema u n-negozjanti. It-tħassib tal-ġenituri u l-pensjonanti għalija mhumiex kwistjonijiet astratti imma realtajiet f’Malta tal-lum.
Naf li ħafna nies ma jsibuhiex faċli jerġgħu jkunu fiduċjużi fil-politika. Li tkun kawt mhijiex dgħufija. Hu sinjal li n-nies tagħti kas il-pajjiż u tixtieq li l-politiċi jirbħu lura l-fiduċja tagħhom.
Din l-elezzjoni mhijiex biss dwar min se jmexxi lil dan il-pajjiż. Imma dwar x’tip ta’ pajjiż irridu li jirtu wliedna. Malta li tibqa’ miexja ’l quddiem waqt li tagħti lin-nies tagħha tama ġdida.
Din il-bidla issa f’idejna. Jiena lest li mmexxiha. Lest li nservi bħala Prim Ministru u ngħin fil-bini ta’ Malta li ma taħsibx biss għall-elezzjoni, imma għall-ġenerazzjonijiet li jmiss. Malta li terġa’ tieħu n-nifs ġdid li għandha bżonn. again, believe again and move forward with confidence.