Awguri mill-Partit Nazzjonalista fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida

Il-Partit Nazzjonalista jawgura sena skolastika pożittiva, inklussiva u kreattiva, hekk kif illum tibda s-sena skolastika 2023-2024.
F’perjodu li fih is-settur edukattiv għaddej minn diversi tibdiliet, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen li l-bidliet li jagħmlu differenza huma dawk li jaffettwaw b’mod pożittiv lill-edukaturi u lill-istudenti kollha.
Għaldaqstant, l-edukazzjoni m’għandhiex tibqa’ biss marbuta mal-esperjeza akkademika, iżda trid tkun dejjem aktar esperjenza li twassal ‘il quddiem lil dawk li jridu u li jistgħu jaslu. Madankollu, kull rotta alternattiva, teknika u applikata għandha tkun żviluppata aktar biex kulħadd jikseb il-ħiliet essenzjali.
Dan jista’ jsir biss jekk bħala pajjiż nemmnu, ninvestu u nirrispettaw lill-edukaturi tagħna f’kull livell u nagħtu aktar spazju u attenzjoni individwali lit-tfal kollha.
Il-Partit Nazzjonalista jqis li Malta għandha tibda tħares bis-serjetà lejn mudell avvanzat li fih l-istudenti tagħna jiżviluppaw u jsiru individwi li jaħsbu, li jikkomunikaw, li janalizzaw, li jqisu u li jikkreaw u mhux studenti robotiċi f’mudell li mhux adattat u mmodernizzat għall-ħtiġijiet tal-lum.
Il-politika tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ dejjem favur edukazzjoni ta’ eċċellenza, li fiha l-edukatur jingħata l-aħjar kundizzjonijiet u li fiha l-istudenti jitgħallmu fl-aħjar ambjent possibbli.
Iva, flimkien jista’ jkollna sena skolastika pożittiva, inklussiva u kreattiva.
Justin Schembri
Kelliem għall-Edukazzjoni u s-Snajja’
25.09.2023
Posted Under: Uncategorized