Biex infasslu futur għaż-żgħażagħ, irridu nagħtu l-ispazju liż-żgħażagħ biex jitkellmu
AĦBAR

Biex infasslu futur għaż-żgħażagħ, irridu nagħtu l-ispazju liż-żgħażagħ biex jitkellmu

“Tibżgħux tisfidawna, tagħmlulna mistoqsijiet diffiċli u tgħidulna meta ma taqblux magħna. Il-politika għandha bżonn liż-żgħażagħ mhux biex iċapċpu lill-politiċi, iżda biex jisfidawhom.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg jindirizza l-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ u jħeġġeġ liż-żgħażagħ jisfidaw lill-politiċi u jkunu protagonisti fid-deċiżjonijiet li jfasslu l-futur ta’ Malta u Għawdex

Jekk verament irridu nfasslu pajjiż fejn iż-żgħażagħ tagħna jridu jgħixu l-futur tagħhom, irridu niżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom l-ispazju biex jitkellmu u biex ikunu huma stess parti mit-tfassil tal-politika tal-lum.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta indirizza l-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2026 organizzat mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, fejn faħħar lill-parteċipanti talli ressqu proposti konkreti dwar uħud mill-akbar sfidi li qed jiffaċċja pajjiżna.

“Illum ninsab hawn bħala Kap tal-Oppożizzjoni, imma wkoll bħala żagħżugħ bħalkom. Bħalkom, nifhem u ngħix l-isfidi tal-ġenerazzjoni tagħna. Jien dħalt fil-politika biex inkun ta’ servizz u biex flimkien inbiddlu dak li hemm bżonn jinbidel. Ngħid flimkien, għax verament nemminha. Nemmen li mingħajr żgħażagħ il-politika ma tkunx konsistenti u ma tkunx kompluta,” qal Alex Borg lill-parteċipanti tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Hu kompla li ż-żgħażagħ urew biċ-ċar li huma konxji sew tar-realtajiet ta’ madwarhom, tant li ddiskutew il-popolazzjoni, it-traffiku, l-iżvilupp, l-ambjent, l-enerġija, is-saħħa mentali, l-akkomodazzjoni u r-rwol ta’ Malta fid-dinja.

Il-Kap tal-PN laqa’ b’mod partikolari l-proposta li żvilupp ġdid ma għandux jiġi approvat jekk l-infrastruttura tal-lokalità ma tkunx tiflaħ għalih. Dan huwa prinċipju li l-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq fuqu permezz tal-proposta li kull lokalità jkollha studju dwar kemm tiflaħ aktar bini u żieda fil-popolazzjoni.

“L-iżvilupp għandu jadatta ruħu għall-komunità, mhux il-komunità tbati biex takkomoda żvilupp bla pjan,” qal Alex Borg. Innota wkoll il-proposti dwar l-impatt kumulattiv tal-iżvilupp, rwol akbar għall-kunsilli lokali, aktar spazji miftuħa, trasport pubbliku aħjar u netwerks effettivi għar-roti.

Alex Borg qal li ż-żgħażagħ qed jgħaddu messaġġ ċar li Malta ma tistax tibqa’ tikber mingħajr pjan. Pajjiż serju għandu jippjana qabel ma jkabbar, billi jevalwa kemm jiflaħ l-infrastruttura, is-servizzi, l-isptarijiet, it-toroq u l-ambjent tiegħu.

Il-Kap tal-PN faħħar l-inizjattiva taż-żgħażagħ li jiddiskutu n-newtralità ta’ pajjiżna u xi tfisser din fil-ġurnata tal-lum. Hu qal li din ma tistax tibqa’ tiġi ttrattata bħala slogan tal-passat iżda għandha tiġi interpretata fid-dawl tar-realtajiet preżenti, fosthom il-pressjonijiet ekonomiċi u r-riskji għall-infrastruttura kritika, u anke dawk marbuta ma’ cybersecurity.

Huwa faħħar ukoll il-proposti dwar ir-riżervi strateġiċi tal-ikel, l-ilma, il-mediċini u komponenti essenzjali oħra, filwaqt li saħaq li pajjiż żgħir u gżira ma jistax jistenna li tinqala’ kriżi biex jiskopri kemm huwa vulnerabbli.

Alex Borg qal li niżbaljaw meta ngħidu li ż-żgħażagħ huma l-mexxejja ta’ għada, għax irriduhom isemmgħu leħinhom illum, waqt li kompla li jrid jara aktar żgħżażagħ madwar il-mejda meta titfassal il-politika biex ikunu parti vera mid-deċiżjonijiet. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha kull dritt tesiġi li jkollna pajjiż fejn il-mertu jirbaħ fuq lil min taf, fejn li jkollok darek ma jibqax ħolma, fejn l-ambjent ikun tassew imħares u fejn ħadd ma jkollu għalfejn jitlaq minn Malta biex isib futur.

“Tibżgħux tisfidawna, tagħmlulna mistoqsijiet diffiċli u tgħidulna meta ma taqblux magħna. Il-politika għandha bżonn liż-żgħażagħ mhux biex iċapċpu lill-politiċi, iżda biex jisfidawhom,” temm jgħid Alex Borg.

Waqt is-sessjoni tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ li saret fil-Kamra tar-Rappreżentanti llum għamlu interventi wkoll id-Deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami u Joe Giglio waqt id-diskussjoni fuq riżoluzzjoni mressqa miż-żgħażagħ dwar in-newtralità; Mark Anthony Sammut u Julian Borg waqt id-dibattitu fuq riżoluzzjoni dwar il-bilanċ bejn il-popolazzjoni, l-infrastruttura l-ambjent; kif ukoll ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ Eve Borg Bonello.

Preżenti kien hemm ukoll l-Assistent Whip tal-Oppożizzjoni Annabelle Cilia u għadd ta’ Membri Parlamentari oħra.

12.09.2026