Budget 2027: f’diskors ta’ 80 paġna, paragrafu wieħed għall-arti u l-kultura u nuqqas ta’ viżjoni għall-volontarjat
L-arti hija dritt, hija espressjoni tal-individwu u hija parti integrali mill-ħajja demokratika. Dan huwa dak li tgħid l-istrateġija 2030 tal-Kunsill tal-Arti, imma jidher li l-Gvern jgħid ħaġa u jemmen oħra.
Il-PN jgħid li l-Gvern jitkellem mod dwar l-arti u l-kultura, imma bi kliemu jikxef dak li verament jemmen
L-arti hija dritt, hija espressjoni tal-individwu u hija parti integrali mill-ħajja demokratika. Dan huwa dak li tgħid l-istrateġija 2030 tal-Kunsill tal-Arti, imma jidher li l-Gvern jgħid ħaġa u jemmen oħra.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista indirizzata mix-Shadow Minister għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Justin Schembri, ix-Shadow Minister għall-Volontarjat Beppe Galea u l-Kelliema għall-Industrija tal-Films Marilena Gauci, il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista kkritikaw lill-Ministru Malcolm Paul Agius Galea li rrefera għall-artisti bħala nies li ‘jemmnu li huma d-don ta’ Alla lid-dinja’.
Huma qalu li fi 80 paġna sħaħ, id-diskors tal-Budget 2027 kellu biss paragrafu wieħed ġeneriku li jirreferi għall-arti u l-kultura. Dan jixhed li għandna Gvern li filwaqt li fil-preżentazzjonijiet u l-manifesti jitkellem mod, fir-realtà jemmen mod ieħor.
Il-kelliema staqsew kif il-poplu se jibbenefika mill-fond miżjud għall-PBS f’termini ta’ produzzjonijiet Maltin, programmi ta’ kultura u investiment fl-artisti Maltin, u x’passi qed jittieħdu dwar l-imparzjalità tax-xandir nazzjonali. Staqsew ukoll kif jista’ jkollok is-serħan tal-moħħ li x-xandir nazzjonali huwa imparzjali meta fuq il-bord editorjali li jissorvelja l-imparzjalità hemm Reno Bugeja li huwa preżentatur fuq l-istazzjoni tal-Partit Laburista.
L-industrija tal-films f’pajjiżna hija industrija li fiha ħafna talent. Iżda din ukoll hija assenti mill-Budget, u l-Gvern ma ħabbar l-ebda skema għal artisti Maltin f’dan il-qasam, bis-Sound Stage li ilu mwiegħed sitt snin għadu fl-arja.
Il-kelliema qalu li filwaqt li fil-volontarjat kien hemm xi żidiet fl-allokazzjonijiet, oħrajn baqgħu friżati, li se jfisser li ħafna għaqdiet volontarji se jkollhom l-istess problemi finanzjarji li kellhom fis-snin li għaddew.
Huma tkellmu wkoll dwar ir-riforma li ħabbar il-Gvern ħames xhur ilu għall-qasam tal-volontarjat imma sa issa għad m’hemm l-ebda dettalji dwar meta se tkun implimentata din ir-riforma u jekk din hux se tkun qed ittaffi mill-burokrazija kbira li jħabbtu wiċċhom magħha l-NGOs.
Fl-aħħar, il-kelliema staqsew jekk kienx studjat l-impatt li ż-żidiet fl-ispejjeż għall-ħaddiema barranin se jkollhom fuq diversi għaqdiet volontarji.
Huma insistew li l-Gvern għandu jiżgura li l-għaqdiet volontarji li jagħmlu xogħol imprezzabbli jkollhom aċċess ġust għall-fondi li jintużaw biex jgħinu lil dawk li l-aktar għandhom bżonn.
11.11.2026


