Budget ieħor. L-istess problemi – Alex Borg
AĦBAR

Budget ieħor. L-istess problemi – Alex Borg

“Għada filgħodu, il-ħaddiem se jerġa’ jeħel fit-traffiku. Il-familja se terġa’ tagħmel il-kontijiet quddiem l-ixkafef tas-supermarket. U ż-żagħżugħ li qed ifaddal biex jixtri daru se jibqa’ jistaqsi kemm għad irid jistenna. Dawn huma l-problemi li dan il-Budget kellu jagħti tweġiba għalihom,” qal Alex Borg.

Il-Budget 2027 għadu ma jagħtix it-tweġibiet li l-familji, il-ħaddiema u n-negozji Maltin u Għawdxin qed jistennew għall-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom kuljum. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni, Alex Borg, fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-Budget.

“Għada filgħodu, il-ħaddiem se jerġa’ jeħel fit-traffiku. Il-familja se terġa’ tagħmel il-kontijiet quddiem l-ixkafef tas-supermarket. U ż-żagħżugħ li qed ifaddal biex jixtri daru se jibqa’ jistaqsi kemm għad irid jistenna. Dawn huma l-problemi li dan il-Budget kellu jagħti tweġiba għalihom,” qal Alex Borg.

Il-Kap tal-PN qal li l-Partit jilqa’ l-għajnuniet. Min jaħdem u jagħti sehmu ħaqqu jkun kapaċi jlaħħaq mal-ħajja. Fl-istess ħin, il-poplu għandu dritt jistenna anqas ħin moħli, kura fil-ħin u dar li jista’ jaffordja.

Alex Borg osserva li, wara tlettax-il sena, il-Gvern stess qed jagħraf il-pressjoni li ħoloq il-mudell ekonomiku tiegħu fuq l-infrastruttura u s-servizzi. Aktar tkabbir fil-popolazzjoni jġib miegħu aktar domanda għad-djar, aktar karozzi fit-toroq u aktar pressjoni fuq l-isptarijiet, l-iskejjel, l-ilma u l-enerġija.

“Il-prezz ta’ dik il-pressjoni qed iħallsuh in-nies kuljum. Il-Gvern irid jispjega meta se jonqos il-ħin fit-traffiku, meta se jispiċċaw l-waiting lists u kif se ssir aktar aċċessibbli l-ewwel dar,” sostna Borg.

Hu saħaq ukoll li n-negozji jeħtieġu għajnuna konkreta biex jinvestu fit-teknoloġija, iħarrġu lill-ħaddiema u joffru pagi aħjar. Iż-żieda fit-tariffi waħedha ma tagħmilx ekonomija aktar produttiva, bl-effett tagħha fuq in-negozji u l-prezzijiet irid jiġi eżaminat bir-reqqa.

Il-PN se jkompli jiskrutinja l-miżuri u l-istimi skont id-differenza li jagħmlu fil-ħajja tan-nies: kemm jibqagħlhom wara x-xirja u l-kontijiet, kemm ikollhom ħin mal-familja u kemm iħossuhom ċerti mill-futur tagħhom.

Akkumpanjat ukoll mix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia u x-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Kapitali Darren Carabott, Alex Borg tenna li l-ġid tal-pajjiż irid jinħass fil-ħajja. U wara tlettax-il sena, għandek kull dritt tistenna aħjar.

26.10.2026