Budget li ma indirizzax il-problemi ta’ kuljum
Il-Gvern reġa’ ppreżenta Budget li ma jagħtix direzzjoni ċara għal mudell eknomiku li mhux ibbażat fuq iż-żieda fil-popolazzjoni, u reġa’ naqas li jinvesti fl-edukazzjoni b’mod li jikkombinaha mal-futur tas-suq tax-xogħol.
Il-PN jgħid li l-Gvern reġa’ tilef opportunità oħra li jsolvi l-problemi ta’ kuljum tan-nies
Il-Budget tal-Gvern ħalla lin-nies bl-istess problemi li kellhom il-ġimgħa li għaddiet.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, ix-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Ambjent Mark Anthony Sammut, ix-Shadow Minister għall-Infrastruttura u x-Xogħol Julian Borg u l-Kelliema għax-Xogħol Annabelle Cilia qalu li għal darb’oħra l-Gvern tilef opportunità li jsolvi l-problemi ta’ kuljum tan-nies.
Wara sajf ta’ qtugħ ta’ dawl, ġranet u ljieli fis-sħana, negozji jitilfu x-xogħol, ikel mormi, appliances maħruqa u nies vulnerabbli li spiċċaw ma jistgħux jużaw l-apparat mediku tagħhom, il-Ministru tal-Finanzi qal li l-investiment tal-Gvern fl-enerġija qed iħalli r-riżultati. Dan hu insult għall-intelliġenza tal-poplu Malti u Għawdxi.
Dan il-Budget naqas ukoll li jwettaq il-wegħdi li għamel ftit xhur ilu l-Partit Laburista, li jagħti aktar ħin lill-ġenituri ma’ wliedhom u lill-ħaddiema aktar flessibbilità fil-post tax-xogħol biex jinstab aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, kif ukoll biex ikunu mħarsa l-benesseri tal-ħaddiem.
Il-Gvern reġa’ ppreżenta Budget li ma jagħtix direzzjoni ċara għal mudell eknomiku li mhux ibbażat fuq iż-żieda fil-popolazzjoni, u reġa’ naqas li jinvesti fl-edukazzjoni b’mod li jikkombinaha mal-futur tas-suq tax-xogħol.
L-infrastruttura tal-pajjiż u t-trasport ukoll baqgħu l-art, tant li sal-lum għadna ma nafux x’se jsir mill-proġetti li ssemmew qabel l-elezzjoni ġenerali. Qabel il-Budget konna mwaħħlin fit-traffiku u hekk jidher li se nibqgħu.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li l-Gvern reġa’ ħela opportunità li jtejjeb il-ħajjiet tan-nies, minkejja l-ħafna wegħdi sbieħ tal-manifest elettorali “Int Malta”.
29.10.2026


