Dak li kisbu missirijietna 62 sena ilu llum responsabbiltà tagħna li nħarsuh
Alex Borg tkellem dwar it-tisħiħ tal-Partit Nazzjonalista u qal li fl-ewwel mitt jum tiegħu bħala Kap ġew ippubblikati r-rapporti finanzjarji pendenti u dil-ġimgħa ppreżenta r-rapport tas-sena li għaddiet – xi ħaġa li l-Partit Laburista għadu m’għamilx. Huwa sostna li sal-lum Robert Abela għadu qed jaħbi anke l-assi tiegħu, ta’ martu u tal-Grupp Parlamentari tiegħu u sfidah biex jippubblikahom.
Jilħqu l-qofol tagħhom iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Furjana – waqt il-Mass Meeting il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar il-ftuħ ta’ uffiċċju ġdid tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Belt Valletta biex ikun aktar qrib in-nies; jgħid li l-PN se jkollu statut ġdid li jsaħħu u jħejjih biex imexxi
Dak li kisbu missirijietna rridu nibqgħu nħarsuh u niddefenduh anke llum wara 62 sena.
62 sena ilu telgħet bandiera, grazzi għall-kuraġġ ta’ poplu li emmen fih innifsu. Illum dik il-bandiera tinsab f’idejna – u hija r-responsabbiltà tagħna li nagħtu tifsira ġdida lil Malta ħielsa.
Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt il-Mass Meeting li ġab fi tmiemhom iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza organizzati mill-Partit Nazzjonalista fuq il-Fosos tal-Furjana bit-tema “Pajjiż ħieles. Pajjiż li ma jibżax”.
Alex Borg qal li 62 sena ilu kien hemm min beża’ dwar x’setgħet tfisser l-Indipendenza, imma kien hemm ukoll min kien kuraġġuż u għaraf poplu ħabrieki li kapaċi jmexxi lil pajjiżu. Dakinhar Ġorġ Borg Olivier u l-Partit Nazzjonalista emmnu fina, u llum għandna ħafna għal xiex nirringrazzjawhom. Imma issa rridu nistaqsu x’se nagħmlu aħna b’din l-indipendenza.
Il-Kap tal-PN qal li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem kontinwament biex ikun eqreb lejn in-nies u ħabbar li se jkollu uffiċċju ġdid fil-Belt Valletta bħala Kap tal-Oppożizzjoni biex ikun dejjem aktar qrib in-nies. Dan, qal Alex Borg, se jwassal il-Partit Nazzjonalista aktar viċin in-nies, se jżomm il-Gvern aktar kontabbli, u se jressaq lill-Partit Nazzjonalista aktar qrib Kastilja.
Huwa kompla jgħid li bħalissa għaddej il-proċess li se jagħti statut ġdid lill-Partit Nazzjonalista – statut li bih il-Partit Nazzjonalista jkun dejjem aktar relevanti. Statut li se jagħmel lill-Partit Nazzjonalista partit rebbieħ.
Il-Kap tal-PN irrefera għal dak li smajna fl-aħħar jiem, u qal li l-ħidma kbira li jagħmlu l-ġurnalisti hija kruċjali. Huwa qal li wieħed jista’ ma jaqbilx dejjem ma’ dak li jikteb ġurnalist, imma għandna nirrispettaw il-ġurnaliżmu ħieles bħala parti mid-dekomrazija.
Disa’ snin wara, pajjiżna għadu qed jistenna ġustizzja għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Alex Borg qal li issa ilna nistennew iżżejjed, u Robert Abela ilu jkaxkar saqajh iżżejjed.
Il-Kap tal-PN tkellem dwar id-diversi drabi li Robert Abela nkixef li qed iqarraq bin-nies. Fakkar fl-ittra ġuramentata tal-Imħallef Wenzu Mintoff li kixfet kif Robert Abela jgħid mod fil-pubbliku u mod ieħor fil-privat. Fakkar kif jiem biss wara t-tmiem tal-ġuri, Abela qal li kien ikkuntattja lill-familja Caruana Galizia, biex ftit wara ġie mgiddeb mill-istess familja. Fakkar kif dil-ġimgħa kellna lill-President tal-Kamra tal-Kummerċ jgħid li Robert Abela qed juri stampa mod lill-poplu imma mbagħad il-Ministru tal-Finanzi jitkellem mod ieħor man-negozji. U fakkar kif Abela ftit ġimgħat ilu kien qal li se jagħti kumpens lill-famillji u negozji għall-qtugħ tad-dawl li sofrew, imma sa issa għadhom b’xejn.
Alex Borg qal li l-politiku għandu obbligu jgħid il-verità dejjem – anke meta tkun diffiċli.
Il-Kap tal-PN qal li l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista kompliet anke fis-sajf, u wara l-elezzjoni kompla joħroġ proposti serji għall-pajjiż. Hekk għamel meta ltaqa’ mal-imsieħba soċjali f’nofs kriżi tal-elettriku. Hekk għamel il-PN meta laqqa’ l-Parlament b’urġenza biex iressaq Mozzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u hekk għamel fl-aħħar ġranet meta ħejja abbozz ta’ liġi biex jissaħħu l-istituzzjonijiet.
“Min ħoloq il-problema ma jistax isolviha. M’għandux ir-rieda biex isolviha. Irridu nkunu aħna li nkunu l-katalisti. Irridu nkunu aħna li niġġieldu għal pajjiż ħieles”.
Alex Borg qal li rridu nibnu pajjiż aktar sigur, aktar ġust, pajjiż fejn iż-żgħażagħ iħossuhom li għandhom futur.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa għal min qed jaħdem il-Gvern Laburista. Huwa qal li fl-aħħar ġimgħat smajna kif numru ta’ politiċi ħadmu għall-interess tagħhom u mhux għall-ġid nazzjonali. Huwa qal li xogħol il-politiċi huwa li jservu lill-poplu u li joffru tama ġdida lin-nies, u mhux li jisservew huma u l-ħbieb tagħhom.
Alex Borg tkellem dwar it-tisħiħ tal-Partit Nazzjonalista u qal li fl-ewwel mitt jum tiegħu bħala Kap ġew ippubblikati r-rapporti finanzjarji pendenti u dil-ġimgħa ppreżenta r-rapport tas-sena li għaddiet – xi ħaġa li l-Partit Laburista għadu m’għamilx. Huwa sostna li sal-lum Robert Abela għadu qed jaħbi anke l-assi tiegħu, ta’ martu u tal-Grupp Parlamentari tiegħu u sfidah biex jippubblikahom.
Alex Borg qal li s-sehem ta’ kull persuna huwa importanti biex il-Partit Nazzjonalista jkun il-Gvern li jixraqlu dal-pajjiż. “Meta missirijietna riedu Malta indipendenti, aħna ż-żgħażagħ konna l-moviment tal-bidla. Meta missirijietna riedu Malta Ewropeja, aħna ż-żgħażagħ konna l-moviment tal-bidla. U issa li rridu pajjiż ħieles, pajjiż li ma jibżax, aħna ż-żgħażagħ rridu nerġgħu inkunu l-moviment tal-bidla”.
F’diskors qabel il-Kap tal-PN, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione qal li d-deċiżjoni li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jieħu l-festi tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Furjana kienet deċiżjoni kuraġġuża u li kienet possibbli biss grazzi għall-ħidma ta’ ħafna nies. Huwa qal li dan hu mument importanti għal pajjiżna – mument ta’ sfida għall-ġżejjer Maltin u li qed jitlob minn kull wieħed minna li nersqu ’l quddiem biex naraw x’nistgħu nagħmlu għal pajjiżna.
Dak kollu li ħareġ mill-Qorti ilu s-snin jinħema, u ħadd ma jista’ jaħseb li wara dak kollu li għaddejna minnu nistgħu nibqgħu business as usual. Alex Perici Calascione qal li dan, il-Partit Nazzjonalista mhu se jaċċettah qatt. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista għandu sejħa li dak li mhux skużabbli ma jiġġustifikah qatt u din ir-responsabbiltà hi wkoll ta’ kull Malti u Għawdxi. Il-Viċi Kap tal-PN qal li llum dal-pajjiż isellem lil Ġorġ Borg Olivier u lil dawk kollha li ħadmu biex ħallewlna pajjiż indipendenti. Illum pajjiżna jrid jaħdem biex jibqa’ sod u kuraġġuż, pajjiż ħieles li ma jibżax jiġġieled għall-ġustizzja.
Indirizza l-Mass Meeting ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello li qal li l-Indipendenza llum għandha relevanza aktar minn qatt qabel hekk kif qed ngħixu f’pajjiż fejn il-Gvern ħataf l-istituzzjjonijiet u fejn ix-xandir nazzjonali hu biss magna ta’ propaganda tal-Gvern. Charles Bonello qal li l-Partit Nazzjonalista fil-ġranet li ġejjin se jieħu l-passi kollha meħtieġa biex dan l-iżbilanċ fix-xandir nazzjonali jiġi rettifikat.
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li b’determinazzjoni rridu naħdmu flimkien biex niddefendu s-sovranità u l-indipendenza tagħna – il-ħelsien vera mhux biss mill-barrani imma wkoll minn Gvern li nawwar dak kollu li hu tagħna l-Maltin. Hu sostna li huwa biss il-Partit Nazzjonalista li huwa l-garanzija ta’ pajjiż sovran u indipendenti, u sostna li biex niggarantixxu l-ħelsien ma nistgħux nibżgħu nitkellmu. Charles Bonello qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex jissaħħaħ minn ġewwa u biex ikompli jsaħħaħ l-istrutturi tiegħu biex ikompli jħejji ruħu biex imexxi l-pajjiż. “B’determinazzjoni u flimkien naħdmu għal pajjiż normali – pajjiż li kull Malti u Għawdxi jixraqlu li jgħix fih”.
Aktar kmieni, fil-preżenza tat-tmexxija tal-Partit, tal-Grupp Parlamentari u ta’ rapprżentanti tal-fergħat tal-Partit Nazzjonalista, il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione qiegħed kuruna ta’ fjuri fuq il-Monument tal-Indipendenza fil-Furjana.
20.09.2026














