Dan hu biss il-bidu
Dan hu biss il-bidu. Il-Partit Nazzjonalista beda vjaġġ ta’ tiġdid li issa għandu jkompli jibni fuqu b’aktar ħidma, għaqda, umiltà u determinazzjoni. Bl-elezzjoni msejħa sena qabel iż-żmien kellna ftit xhur biex inħejju ruħna. Issa għandna quddiemna maratona fuq ħames snin biex inkomplu nifforumlaw il-politika tagħna u d-direzzjoni li rridu nagħtu lill-pajjiż.
Alex Borg jgħid li l-PN beda vjaġġ ta’ tiġdid li jrid ikompli jibni fuqu
Dan hu biss il-bidu. Il-Partit Nazzjonalista beda vjaġġ ta’ tiġdid li issa għandu jkompli jibni fuqu b’aktar ħidma, għaqda, umiltà u determinazzjoni. Bl-elezzjoni msejħa sena qabel iż-żmien kellna ftit xhur biex inħejju ruħna. Issa għandna quddiemna maratona fuq ħames snin biex inkomplu nifforumlaw il-politika tagħna u d-direzzjoni li rridu nagħtu lill-pajjiż.
Waqt intervista ma’ Ylenia Montfort fuq il-programm Analiżi fuq NET TV, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li qed jitlob il-fiduċja tal-kunsilliera tal-PN mhux biex jerġa’ jibda xi ħaġa mill-ġdid, iżda biex ikompli jibni fuq il-proġett ta’ tiġdid li beda fix-xhur li għaddew.
Hu qal li l-kampanja elettorali wriet Partit Nazzjonalista li reġa’ kiseb enerġija, ottimiżmu u sens ta’ direzzjoni. Partit li rnexxielu jilħaq nies li kienu tbiegħdu mill-politika u li beda jerġa’ jqajjem tama f’ħafna Maltin u Għawdxin li jridu bidla serja fil-pajjiż.
Alex Borg saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu bażi soda fuq xiex jibni, iżda issa jrid jagħmel il-pass li jmiss biex jilħaq lil kulħadd. Qal li l-Partit irid ikompli jisma’, jitgħallem u jtejjeb lilu nnifsu kuljum, filwaqt li jsaħħaħ l-organizzazzjoni tiegħu, il-komunikazzjoni tiegħu u r-relazzjoni tiegħu man-nies.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-akbar lezzjoni mir-riżultat elettorali hi li l-Partit irid jibqa’ umli quddiem il-verdett tal-poplu, iżda qatt ma jaqta’ qalbu. Il-PN irid ikun preżenti mhux biss waqt kampanja elettorali, iżda matul il-ħames snin kollha, viċin il-familji, iż-żgħażagħ, l-anzjani, in-negozji, is-soċjetà ċivili u dawk kollha li tilfu l-fiduċja fil-politika.
Alex Borg qal li l-PN se jkun Oppożizzjoni serja, kredibbli u viġilanti, li tpoġġi l-interess nazzjonali qabel kull kalkolu politiku. Qal li l-Partit Nazzjonalista se jappoġġja dak li hu tajjeb għall-pajjiż, iżda se jkun determinat kontra dak li jagħmel il-ħsara.
Hu qal li l-kredibbiltà tinkiseb bix-xogħol ta’ kuljum, mhux bil-kliem biss. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista se jibda minn issa jħejji ruħu biex ikun il-gvern alternattiv ta’ għada, b’politika moderna, konsultazzjoni, kompetenza u integrità.
Dwar dawk li baqgħu d-dar fl-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju, Alex Borg qal li l-PN irid l-ewwel jisma’ aktar milli jitkellem, u juri serjetà, umiltà u konsistenza biex jerġa’ jibni l-fiduċja.
Fl-appell tiegħu lill-kunsilliera, Alex Borg qal li din mhijiex votazzjoni dwar persuna, iżda dwar id-direzzjoni li l-Partit irid jieħu.
“Flimkien bdejna vjaġġ ta’ tiġdid li issa rridu nkomplu nibnu fuqu,” qal Alex Borg. “Il-fiduċja tagħkom se tkun mandat biex inkomplu nsaħħu l-Partit, nersqu aktar qrib il-poplu u nibnu Partit aktar b’saħħtu għal Malta aħjar.”
Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex ikun Oppożizzjoni b’saħħitha llum u l-gvern b’saħħtu li jmiss għal Malta u Għawdex. Dan hu biss il-bidu.
05.07.2026