Dan Hu l-Mument li nġibu lil Malta ’l Quddiem
AĦBAR

Dan Hu l-Mument li nġibu lil Malta ’l Quddiem

  • Il-Kap tal-PN jagħlaq il-Konvenzjoni Nazzjonali “Malta ’l Quddiem” – is-sessjoni plenarja indirizzata wkoll minn mistiedna internazzjonali

  • Alex Borg iwiegħed li jibda x-xogħol fuq proġett tat-trasport tal-massa fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern Nazzjonalista

  • Konvenzjoni suċċess bil-parteċipazzjoni ta’ għadd kbir ta’ professjonisti, imsieħba soċjali, korpi kostitwiti, għaqdiet u esperti

  • Il-kontribut tan-nies f’din il-Konvenzjoni jkompli ssaħħaħ il-politika li jrid jagħmel il-Partit Nazzjonalista minn nies għan-nies

Irridu Malta kif nafuha. Malta li tgħix sew fiha. Il-politika li rajna titfassal tul din il-Konvenzjoni trid tibqa’ magħna fit-twettiq tagħha. Irridu niqbgħu nisimgħu biex inwettqu politika min-nies għan-nies. Dan hu l-Mument li nġibu lil Malta ’l Quddiem.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fid-diskors tal-għeluq tal-Konvenzjoni Nazzjonali li ltaqgħet fil-lukanda Excelsior bit-tema Malta ’l Quddiem fejn wiegħed li fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern Nazzjonalista jibda x-xogħol fuq proġett ġdid tat-tasport tal-massa li jtejjeb il-ħajjiet tan-nies.

Din il-Konvenzjoni organizzata mill-PN ġabet flimkien nies minn kull rokna ta’ Malta u Għawdex li flimkien mal-imsieħba soċjali, korpi kostitwiti, għaqdiet u NGOs kif ukoll numru ta’ esperti, matul dawn il-jumejn iddiskutew l-isfidi li għandu quddiemu pajjiżna, kif se nwieġbu għalihom u x’inhuma s-soluzzjonijiet li l-PN irid isib biex wara li issa jdawwar dawn l-ideat fi proposti, ikun f’pożizzjoni li jibni l-viżjoni politika tiegħu għall-ġejjieni u jwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Fis-sessjoni plenarja ta’ dalgħodu l-Konvenzjoni fetħet bil-preżentazzjoni mir-rapporteurs tal-konklużjonijiet tas-sitt workshops li saru lbieraħ f’Malta u Għawdex, u mbagħad saret diskussjoni bis-sehem ta’ numru ta’ esperti. Qabel l-indirizz tal-għeluq mill-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, wasslu wkoll il-messaġġi tagħhom numru ta’ mistiedna internazzjonali.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista irringrazzja lill-mistiedna u l-kelliema tal-Partit Popolari Ewropew li indirizzaw din il-konferenza, lid-diversi chairpersons u rapporteurs u lil kull minn ikkontribwixxa fil-workshops.  Dan, qal Alex Borg, hu l-mod kif partit politiku jagħti vuċi lil kull min irid jesprimi l-ħsibijiet u l-ideat tiegħu. Alex Borg qal li tul dawn il-jumejn in-nies kellhom ċans jitkellmu waqt li l-politiċi qagħdu jisimgħu u li din it-tip ta’ politika trid tkun l-ixprun li biha jservi l-PN tul is-snin.

Alex Borg qal li waħda mill-akbar sfidi li qed jiffaċċjaw in-nies illum hija kif se jżommu l-bilanċ. Hemm min din l-għafsa qed iħossha fl-għoli tal-ħajja, fil-kera, jew fil-mediċini li qed jogħlew, u hemm min iħossha fin-nuqqas ta’ ħin mal-għeżież tiegħu. Huwa qal li l-poplu hu għatxan għas-serħan il-moħħ ta’ għada aħjar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu jrid Malta li tgħix sew fiha, li tagħmlek kburi li tgħix fiha u li tħeġġek timraħ.

Alex Borg qal li din il-Konvenzjoni kienet prova ta’ kif jista’ jsir dan. Tkellem dwar kif komunitajiet bilanċjati jfissru ħajjiet aktar bilanċjati u qal li hija ħasra li l-polz tal-komunità nqata’ hekk kif il-kunsilli lokali tneżżgħu minn ħafna mis-saħħa tagħhom.

Huwa tkellem dwar l-isfidi fil-housing u qal li fejn qabel wieħed kien ikun kburi li sar sid ta’ daru, illum dan sar sors ta’ qtigħ il-qalb għal ħafna.

Alex Borg tkellem ukoll dwar l-importanza li niddiversifikaw l-edukazzjoni biex kulħadd isib postu fid-dinja tax-xogħol.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-karattru uniku tal-irħula Għawdxin u dwar il-fatt li dan mhux garantit għal dejjem. Hu għalhekk li rridu nippjanaw fit-tul u rridu nagħtu garanzija li mhux se nitilfu l-identità ta’ din il-ġawhra u kif irid ikun hemm akar enfażi fuq il-kwalità u mhux fuq il-volum.

Dwar iż-żgħażagħ huwa qal li ma jridx li dawn jaqtgħu qalbhom milli jiftħu n-negozju tagħhom u jrid li jara li ż-żgħażagħ jisfruttaw l-ambizzjonijiet tagħhom biex jilħqu l-ogħla miri.

Alex Borg imbagħad tkellem fuq il-konnettività f’pajjiżna u qal li din kollha marret il-baħar u mhux biss dik bejn iż-żewġ gżejjer. Huwa staqsa jekk Malta hix ippreparata għall-isfidi tat-traffiku ta’ għada u jekk hix mgħammra għat-trasport tal-futur. Semma kif it-traffiku qed jiswiena €900 miljun fis-sena u qal li b’€900 miljun jinbnew 40 skola ġdida, jinbena sptar ieħor daqs Mater Dei, kull residenza f’Malta jkollha sors ta’ enerġija li tiġġedded b’xejn u 15,000 koppja jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ djarhom bla xkiel.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li ma nistgħux nibqgħu f’dibattiti eterni li ma jissarrfux f’soluzzjonijiet. Alex Borg qal li gvern ġdid immexxi minnu jibda jaħdem minnufih fuq servizz ġdid u modern tat-traport tal-massa. Proġett nazzjonali li jagħmilna kburin u li jaqdi lill-Maltin u l-Għawdxin kollha. Dan, qal Alex Borg, jibda jaħdem f’ħames snin u mhux fi żmien 20 sena oħra. Huwa sostna li l-poplu Malti għażla jrid u mhux kastigi.

Alex Borg qal li b’hekk ukoll nibdew nerġgħu niksbu lura l-bilanċ, permezz ta’ Malta kif nafuha, permezz ta’ ġid li jilħaq lil kulħadd u permezz ta’ Gvern li jieħu ħsiebek.

Huwa temm id-diskors tiegħu b’riflessjoni fuq id-deċiżjoni tiegħu li jidħol fil-politika. Alex Borg qal li filwaqt li ħafna żgħażagħ tbiegħdu mill-politika, huwa ħass il-bżonn li jwieġeb għas-sejħa li jkun ta’ servizz. Hu qal li jrid ikompli jisma’ qabel jiġġudika, u jifhem x’inhuma r-realtajiet tan-nies.

Huwa għamel stedina miftuħa:  “Ibqgħu magħna. Tkellmu magħna. Komplu tuna l-pariri tagħkom. Żommuna responsabbli”. Huwa qal li l-futur ta’ Malta mhuwiex ta’ partit wieħed jew ieħor, imma huwa tal-Maltin u l-Għawdxin kollha

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista beda d-diskors tiegħu b’tislima lil Sandro Grech, il-missier ta’ żewġt itfal li miet fl-aħħar ħin, u wiegħed is-sostenn sħiħ tiegħu lill-familja tiegħu.

Iż-żewġ mistiedna barranin fil-Konvenzjoni kienu Mikuláš Dzurinda, l-eks Prim Ministru tas-Slovakkja u President tal-Wilfried Martens Centre for European Studies u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) u eks Ministru tal-Gvern Spanjol Dolors Montserrat.

Dzurinda, fil-messaġġ tiegħu, faħħar l-impenn tal-Partit Nazzjonalista tul is-snin u l-kontribut imprezzabbli li taw Kapijiet tal-Partit fosthom Eddie Fenech Adami. Huwa qal li l-Prim Ministru li jmiss ta’ pajjiżna se jkollu 31 sena, b’referenza diretta għal Alex Borg. Dzurinda rrefera għall-isfidi varji li jeżistu f’pajjiżna u qal li m’għandniex nibżgħu nisfidaw il-burokrazija żejda. Hu ħeġġeġ lin-nies biex jingħaqdu wara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, għax il-kuraġġ u l-bidla jitwieldu miż-żgħożija, u biex ikunu attivi biex tinkiseb din il-bidla. Huwa temm billi awgura lil Alex Borg u lill-Partit Nazzjonalista l-aqwa suċċessi.

Min-naħa tagħha, Dolors Montserrat sostniet li Malta u Għawdex għandhom bżonn Prim Ministru żagħżugħ mimli enerġiija u qalet li tispera li dan iseħħ fi żmien qasir. Montserrat irrimarkat li David Casa u Peter Agius qed jaħdmu ħafna biex Malta tkompli tgawdi fondi u riżorsi mill-Unjoni Ewropea u qalet li Roberta Metsola tkompli tispiraha bil-mod kif tmexxi. Hija qalet li l-Partit Popolari Ewropew jemmen bis-sħiħ f’Malta u Għawdex bi rwol aktar prominenti fl-Ewropa.   Monsterrat temmet tgħid li fl-Ewropa hemm il-Metsola Effect u f’Malta issa hawn il-Borg Effect – tama ġdida għaż-żgħażagħ, għan-negozjanti, għall-familji imma qabel kollox tama ġdida ta’ mexxej ġdid b’valuri sodi u li tista’ tafda fuqu. Malta, qalet Montserrat, għandha l-ingredjenti kollha li jeħtieġ pajjiż biex ikun suċċess, imma dan is-suċċess jista’ jiġi biss b’mexxej kredibbli bħal Alex Borg.

Minbarra dawn iż-żewġ diskorsi, ixxandru wkoll messaġġi li ntbagħtu mill-Prim Ministru tal-Kroazja Andrej Plenković, u mill-President tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber.

Andrej Plenković fil-messaġġ tiegħu awgura lil Alex Borg bħala Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista u qal li Malta tista’ tkun kruċjali biex l-Ewropa tkompli tissaħħaħ fil-ħidma tagħha.

Manfred Weber qal li l-Partit Popolari Ewropew huwa l-akbar forza fl-Ewropa u l-Partit Nazzjonalista jagħmel parti minn din il-maġġoranza li qed tmexxi l-Ewropa. Hu qal li l-Ewropej jafu li jistgħu jserrħu fuq l-Ewropa biex tiddefendilhom il-kwalità tal-ħajja u f’Malta llum in-nies jafu li jistgħu iserrħu fuq Partit Nazzjonalista fil-gvern għal Malta aħjar u ħajja aħjar għalihom.

Il-preżentazzjoni ta’ dak li ġie diskuss fil-workshops – li saru ħamsa fl-Excelsior is-Sibt filgħodu u ieħor fil-Lukanda Kempinski San Lawrenz f’Għawdex is-Sibt filgħaxija – saret mir-rapporteurs ta’ kull workshop.

Il-Perit David Xuereb irrapporta dwar l-ewwel workshop li kellu t-tema Malta kif nafuha – Malta li tgħix sew fiha. Dan tmexxa mill-Inġinier Chris Ciantar, filwaqt li l-Perit David Xuereb kien ir-rapporteur. Fir-rapport tiegħu tkellem dwar dak li jagħmilna kburin imma anke dwar dak li qed iħassibna u dwar il-ħtieġa pressanti li nħarsu dak li għandna u li jkollna viżjoni ċara għal għada.

Il-konklużjonijiet tat-tieni workshop, Ġid li tassew jilħaq lil kulħadd, tressqu mir-rapporteur Hilary Galea Lauri, u l-workshop tmexxa minn Kristian Farrugia. Huwa u jirrapporta dwar dan il-workshop, Hilary Galea Lauri spjega kif kien konkluż ekonomija b’saħħitha trid tkun ukoll ekonomija sostenibbli – li twassal biex ħadd ma jibqa’ lura.

It-tielet workshop, bit-tema Komunitajiet b’saħħithom, tmexxa minn Sam Abela, bir-rapporteur li l-Ħadd filgħodu ressaq il-konklużjonijiet tiegħu kien il-Perit Jacques Borg Barthet. Fir-rapport tiegħhu huwa qal li waqt dan il-workshop kien hemm enfażi dwar il-bżonn ta’ aktar bilanċ fil-komunitajiet u dwar il-ħtieġa li l-kunsilli lokali jkollhom aktar riżorsi u aktar saħħa biex itejbu l-ħajjiet tar-residenti.

Ir-raba’ workshop kellu t-tema Gvern li jieħu ħsiebek u tmexxa minn Dr Mark Formosa b’Louise Bonnici bħala rapporteur. Hija rrappurtat li waqt il-workshop kienet diskussa l-ħtieġa li l-kliem sabiħ li jingħad mill-Gvern jitwettaq u mhux jibqa’ biss retorika, b’mod partikolari l-bżonn ta’ kura aħjar għal dawk l-aktar vulnarabbli fis-soċjetà.

Il-ħames workshop li ltaqa’ fl-Excelsior bit-tema Malta lesta għal għada, tmexxa minn Janice Darmanin, waqt li r-rapporteur kienet Dr Angele Pulis. Dr Pulis qalet li waqt il-workshop spikkat it-tema tal-edukazzjoni u l-ħtieġa ta’ aktar riżorsi – bħal aktar skejjel speċjalizzati biex kull tifel u tifla jkollhom l-opporunità jimiriħu f’dak li kapaċi jagħmlu.

Is-sitt u l-aħħar workshop sar f’Għawdex, u r-rapporteur Daniel Borg ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu. Dan kellu t-tema Għawdex fil-qalba tal-viżjoni nazzjonali u tmexxa miċ-Chairman Maria Portelli. Fir-rapport tiegħu Daniel Borg qal li l-workshop ikkonkluda li ġid fit-tul għal Għawdex jeħtieġ deċiżjonijiet kuraġġużi u politika li twettaq il-viżjoni li għandna għal Għawdex aħjar mibni fuq it-tajjeb li diġà hemm.

Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet ta’ dawn il-workshops tematiċi, saret diskussjoni interessanti dwar l-ekonomija bis-sehem ta’ panel ta’ esperti ffurmat minn Marisa Xuereb, Roberta Lepre, Abigail Agius Mamo u Arthur Galea Salomone. Id-diskussjoni tmexxiet mill-Editur ta’ Newsbook Malta u RTK103 Matthew Xuereb u ffukat fuq il-ħtieġa ta’ kwalità fuq il-kwantità, fuq il-bżonn ta’ niċeċ ekonomiċi li jżewġu dak li jeżisti diġà mat-teknoloġija tal-futur, fuq il-bżonn li jkollna miri li nilħquhom u mhux biss nitkellmu fuqhom, u fuq l-importanza li ma nibbażawx biss fuq ic-cifri tal-Prodott Domestiku Gross imma li nkejlu s-suċċess ekonomiku fuq kemm qed jirnexxilna nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lin-nies.

Din il-Konvenzjoni se tkompli ssaħħaħ lill-Partit Nazzjonalista u l-politika tiegħu min-nies għan-nies.

Id-diskussjoni mmexxija mill-Editor-in-chief ta’ Newsbook Malta u RTK103 Matthew Xuereb u mumenti oħrajn mill-plenarja tal-Konvenzjoni Nazzjonali Malta ‘l Quddiem.