Dan hu l-mument li nħarsu ’l quddiem – Bernard Grech
AĦBAR

Dan hu l-mument li nħarsu ’l quddiem – Bernard Grech

Il-Kap tal-PN jindirizza l-Kunsill Ġenerali li jagħti bidu għall-proċess tal-ħatra tas-suċċessur tiegħu, jgħid li mhux importanti min ikun il-captain imma li t-tim jasal fejn hemm bżonn

Dan hu l-mument li nħarsu ’l quddiem. Il-passat jgħallimna, fil-preżent insewwu u fil-futur nirbħu flimkien. Mhux importanti min ikun il-captain tat-tim, imma li t-tim jasal fejn hemm bżonn.

Fid-diskors tiegħu waqt il-Kunsill Ġenerali li fetaħ formalment il-proċess għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech saħaq fuq l-importanza li dawk kollha li jridu Partit Nazzjonalista b’saħħtu biex pajjiżna jkollu alternattiva għal dan il-Gvern, ilkoll iħarsu ’l quddiem b’tama u determinazzjoni.

Filwaqt li rringrazzja lil kull min kien parti mill-vjaġġ tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li issa li se jkun qiegħed jieħu pass lura, is-silenzju tiegħu jrid li jimlewh dawk kollu li ġenwinament għandhom għal qalbhom il-futur tal-Partit Nazzjonalista bit-tiġdid frisk u ħaj li għandu bżonn.

Lit-tesserati u l-kunsillieri qalilhom li huma se jkollohom il-privileġġ jagħżlu l-Kap il-ġdid li jrid iwassal lill-PN biex ikun fil-gvern; Kap li jservi lill-Partit, Kap li jrid isib imbagħad l-appoġġ tagħhom dejjem u kullimkien.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien partit li jmexxi ż-żmininijiet, mhux li jitmexxa minnhom. Huwa l-Partit tal-Indipendenza, il-Partit tad-Demokrazija, il-Partit tal-Ewropa. Hu l-Partit li bih il-pajjiż mexa ’l quddiem u qatt ma reġa’ ħares lura.

Hu qal li b’Kap ġdid il-Partit Nazzjonalista hekk irid jerġa’ jagħmel, u li kulħadd għandu jgħin lill-Kap li se jiġi elett, ikun min ikun, biex iwelled ħolm ġdid li jirrifletti dak li jridu n-nies mill-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech saħaq li fil-PN, in-nies qed ifittxu gvern alternattiv kredibbli u aħjar minn dak li għandna llum, gvern li jkun ta’ kulħadd u li jmexxi fl-interess veru tan-nies kollha.

Bernard Grech għalaq id-diskors tiegħu b’messaġġ lill-Kap li se jiġi magħżul li se jsibu miegħu u warajh f’kull tarġa li hemm quddiemu.

“Għażiż Kap, jien irridek tirbaħ għax jekk tirbaħ int, tirbaħ Malta, jirbaħ Għawdex, jirbaħ il-Partit Nazzjonalista, nirbħu lkoll flimkien”.

Bil-Kunsill Ġenerali tal-lum fetaħ il-proċess tal-elezzjoni tal-Kap il-ġdid tal-PN u miegħu fetaħ iż-żmien allokat biex min hu interessat għall-kariga ta’ Kap tal-Partit jitfa’ ismu permezz ta’ espressjoni tal-interess sa nhar il-Ħadd 29 ta’ Ġunju fis-2pm.

Il-Kunsill Ġenerali, li tmexxa mill-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut, approva wkoll tliet Mozzjonijiet – waħda ta’ ringrazzjament lill-Kap tal-PN Bernard Grech, oħra li temenda proviżorjament l-Istatut tal-PN biex żgħażagħ ta’ 18-il sena jkunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjoni għal Kap jekk ikun ilhom tesserati għal mill-inqas sitt xhur sat-18 ta’ Ġunju 2025, u oħra li tapprova r-regolamenti għall-elezzjoni tal-Kap kif approvata mill-Kumitat Eżekuttiv.

Waqt il-Kunsill Ġenerali, tkellem ukoll iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN Mario Callus li spjega l-proċedura tal-elezzjoni għall-Kap il-ġdid tal-PN.

Għamlu wkoll diskorsi l-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione u s-Segretarju Ġenerali Charles Bonello.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione fid-diskors tiegħu qal li ħadd mhu akbar mill-Partit, u li l-ebda Partit mhu akbar mill-pajjiż. Huwa qal li l-ambizzjoni personali ta’ kulħadd għandha biss tkun magna biex timbotta dejjem ‘il quddiem lill-Partit. L-għażla tal-Kap hi biss il-bidu li għandu jwassal għal riġenerazzjoni mill-qiegħ. Il-ħidma politika tibda u tispiċċa b’servizz li hu msejjes fuq l-esperjenza tal-passat. Il-Viċi Kap tal-PN qal li l-għażla tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista jagħmluha l-Kunsillieri u t-tesserati tal-PN u ħadd aktar.

Alex Perici Calscione qal li n-nies qed jistennew mingħand il-Partit Nazzjonalista l-aqwa għażla għall-ġid tagħhom u tal-ġid komuni. Hu qal li l-PN kapaċi joffri gvern li jservi lil kulħadd u ħeġġeġ biex din il-ħidma tkompli aktar minn qatt qabel biex naslu għal dan.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li  l-pajjiż se jsejjaħ lill-Partit Nazzjonalista meta dan ikun lest u kompla li jinsab ċert li meta l-pajjiż isejjaħ lill-Partit Nazzjonalista, dan se jkun il-gvern alternattiv li għandu bżonn pajjiżna.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello qal li taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech saru numru ta’ kisbiet importanti. Fost l-oħrajn semma t-titjib importanti li sar minn NET FM u NET Television, ir-rebħa għall-ġustizzja għal Jean Paul Sofia, il-ħafna proposti importanti li ħareġ bihom il-PN fl-aħħar snin, u mhux l-inqas ir-riżultat elettorali ta’ Ġunju li għadda kemm fl-elezzjonijiet Ewropej u kemm f’dawk lokali.

Filwaqt li rringrazzja lil Bernard Grech għas-servizz li ta, Charles Bonello insista li issa huwa d-dmir ta’ kull min għandu għal qalbu l-Partit Nazzjonalista li jingħaqad wara l-Kap li se jiġi elett biex il-pajjiż ikollu alternattiva serja għal Gvern li ħoloq kaos.

Il-Kunsill Ġenerali li fetaħ dalgħodu jibqa’ miftuħ sat-tmiem tal-proċess tal-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

22.06.2025