Din hi kawża li trid tagħti lura dak li hu dritt tal-Oppożizzjoni u tal-poplu – xandir bilanċjat u ħieles
Ladarba l-Awtorità tax-Xandir naqset mill-obbligi tagħha li tiżgura dak li għandha l-obbligu li tħares – jiġifieri xandir pubbliku bilanċjat u li jħalli lit-telespettatur jifforma opinjoni ħielsa mingħajr indottrinazzjoni – ma kienx hemm triq oħra ħlief li l-Partit Nazzjonalista jiftaħ din il-kawża biex jieħu lura dak li hu dritt tiegħu u tal-poplu Malti u Għawdxi kollu – xandir ħieles u imparzjali.
Il-Partit Nazzjonalista jiftaħ kawża Kostituzzjonali kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir fuq ksur tal-obbligi dwar imparzjalità u żbilanċ fix-xandir pubbliku
Il-kawża li fetaħ il-Partit Nazzjonalista trid trodd lura lill-Oppożizzjoni u lill-poplu dak li hu tagħhom bi dritt – xandir bilanċjat u ħieles.
Dalgħodu l-Partit Nazzjonalista fetaħ Kawża Kostituzzjonali kontra l-Public Broadcasting Services (PBS) u l-Awtorità tax-Xandir fuq ksur tal-obbligi tagħhom. Dawn huma obbligi mħarsa bil-kostituzzjoni li suppost jiggarantixxu xandir pubbliku imparzjali u bilanċjat.

Il-kawża ġiet ippreżentata fil-Qorti mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, ix-Shadow Minister responsabbli mix-Xandir Justin Schembri, u l-avukati li qed jirrappreżentaw lill-Partit Nazzjonalista – id-Deputat Nazzjonalista l-Avukat Michael Piccinino u l-Avukati David Bonello u Thomas De Martino.
F’kummenti li ngħataw quddiem il-Qorti eżatt wara li tressqet il-kawża, il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li din hi kawża mfassla fuq żewġ binarji – l-iżbilanċ fix-xandir pubbliku min-naħa tal-istazzjon nazzjonali, u n-nuqqas ta’ infurzar min-naħa tal-Awtorità tax-Xandir dwar sentenzi preċedenti li tat hi stess.
“Din mhix kawża dwar jekk il-Partit Nazzjonalista jogħġbux kif il-PBS qed jirrapporta fl-aħbarijiet, imma hemm obbligi Kostituzzjonali u legali ta’ imparzjalità li mhux qed jiġu mħarsa”.

Huma spjegaw kif waqt l-aħbarijiet tal-PBS qed ikun hemm żbilanċ qawwi ħafna fis-sound on tape – jiġifieri l-kummenti li jittieħdu on camera. Dan ilu jseħħ għal snin sħaħ, u mill-aħħar ċifri mogħtija mill-Gvern stess għal Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Michael Piccinino sar magħruf li bejn Ġunju tal-2025 u Mejju tal-2026, għall-532 sound on tape minn membri tal-Gvern kien hemm biss 66 min-naħa tal-Oppożizzjoni, jew sound on tape wieħed għall-Oppożizzjoni għal kull tmienja tal-Gvern. Kien hemm żbilanċ simili f’mill-anqas tliet snin oħra preċedenti, bl-Awtorità tax-Xandir tagħti sentenzi f’dan is-sens tliet darbiet, imma ma tinforzahom qatt.
Il-kawża titkellem ukoll dwar in-nuqqas ta’ imparzjalità ovvja ta’ preżentaturi ta’ programmi tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti. Bħala eżempju ġġib lill-preżentatur ta’ TVM Ricky Caruana li huwa magħruf li jitħallas għal reklamar ta’ numru ta’ Ministri u entitajiet tal-Gvern li mbagħad ikunu rappreżentati fil-programmi tiegħu stess. Huwa regolarment juża l-media soċjali tiegħu biex jipprommovi attivament lil membri tal-Gvern u attivitajiet tal-Partit Laburista, u saħansitra esprima ruħu dwar kif beħsiebu jivvota.
Il-liġi li tirregola l-programmi dwar il-ġrajjiet kurrenti u l-Kodiċi tal-Etika tal-PBS jistabbilixxu li x-Xandir tal-Istat għandu obbligu strett li jżomm imparzjalità sħiħa f’materji politiċi, u li din l-imparzjalità tiddependi direttament mill-aġir tal-produtturi u l-preżentaturi tiegħu.

L-istess Kodiċi jqiegħed restrizzjoni totali fuq attendenza għal attivitajiet politiċi minn preżentaturi jew producers, kif ukoll jgħid li dawn ma jistgħux jinvolvu ruħhom f’attivitajiet politiċi jew jieħdu pożizzjonijiet pubbliċi li jistgħu jikkompromettu l-fiduċja fl-imparzjalità tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista qal li mhux se jibqa’ jaċċetta li x-Xandir tal-Istat ikompli bl-iżbilanċ u nuqqas ta’ imparzjalità fir-rappurtaġġ u mill-preżentaturi tiegħu, u li dan hu l-ewwel pass biex din is-sitwazzjoni tiġi rettifikata minnufih.
Ladarba l-Awtorità tax-Xandir naqset mill-obbligi tagħha li tiżgura dak li għandha l-obbligu li tħares – jiġifieri xandir pubbliku bilanċjat u li jħalli lit-telespettatur jifforma opinjoni ħielsa mingħajr indotrinazzjoni – ma kienx hemm triq oħra ħlief li l-Partit Nazzjonalista jiftaħ din il-kawża biex jieħu lura dak li hu dritt tiegħu u tal-poplu Malti u Għawdxi kollu – xandir ħieles u imparzjali.
29.09.2026
Ara l-Kawża Kostituzzjonali hawn.