Din mhix l-ewwel darba li Robert Abela mhux jgħid il-verità
Dwar il-każ ta’ Alex Agius Saliba, il-Kap tal-PN qal li sakemm qed issir investigazzjoni, wieħed irid jistenna x’se joħroġ minnha. Huwa qal li hija ħasra f’kull każ li jinvolvi membri tal-Partit Labutrista, dawn jippruvaw jitfgħu tajn fuq il-Partit Nazzjonalista.
Waqt intervista bħala parti mill-attivitajiet tal-Indipendenza, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li Abela għandu jkun onest mal-poplu; isostni li l-akkużi tal-Prim Imħallef Emeritu jikxfu Gvern li jindaħal lill-istituzzjonijiet
Din mhix l-ewwel darba li Robert Abela mhux qed jgħid il-verità.
Waqt li kien qed jiġi intervistat mill-Editur ta’ Newsbook Malta Matthew Xuereb bħala parti mill-attivitajiet tal-Indipendenza 2026 bit-tema “Pajjiż ħieles. Pajjiż li ma jibżax”, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li qatt ma jiftakar li kellna President tal-Kamra tal-Kummerċ li joħroġ igiddeb lill-Prim Ministru.
Alex Borg kien qed jitkellem dwar il-kummenti ta’ William Spiteri Bailey meta qal lill-Prim Ministru li għandu jgħid il-verità kollha lill-poplu dwar l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż. Il-Kap tal-PN qal li Robert Abela għandu l-obbligu jkun onest man-nies.
Huwa qal li din mhix l-ewwel darba li Robert Abela ma qalx il-verità, u semma dak li seħħ ftit tal-jiem ilu meta Abela kien qal li kien tkellem mal-familja Caruana Galizia u ftit minuti wara kien ġie mgiddeb minn Matthew Caruana Galizia, u meta l-istess Abela kien qal li 90% taż-żgħażagħ taħt il-35 sena kienu sidien ta’ darhom imma l-fact checker kien wera li dan ma kienx minnu.
Waqt din l-intervista li saret fuq NET Television minħabba l-maltemp, l-Editur ta’ Newsbook Malta staqsa lil Alex Borg dwar dak li kien qal aktar kmieni l-Prim Imħallef Emeritu Vincent DeGaetano. Il-Kap tal-PN qal li l-akkużi tal-Prim Imħallef Emeritu jkomplu jikkonfermaw l-indħil ta’ dan il-Gvern fil-kors tal-ġustizzja. Dawn l-akkużi huma fil-konfront tal-istess Gvern li ħoloq kultura ta’ impunità – l-istess Gvern li Mħallef sedenti akkużah li aktar moħħu fil-flus milli fil-ġid nazzjonali.
Alex Borg qal li dan il-Gvern ilu taħt dell tqil, u dan kompla tqal b’dak kollu li ħareġ mill-ġuri tal-aħħar ġimgħat.
Kien propju għalhekk li l-PN għamel pressjoni biex illum qabel għada jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika biex niżguraw li dak li seħħ f’pajjiżna ma jerġax iseħħ, u huwa ta’ tħassib li n-nies illum m’għandhomx fiduċja li l-Gvern verament se jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Alex Borg qal li l-Gvern kellu ċans jagħmel pass ’il quddiem meta l-PN talab il-ftuħ b’urġenza tal-Parlament u ressaq Mozzjoni biex ikunu diskussi r-rakkomandazzjonijiet. Meta l-Gvern irrifjuta li jagħmel dan, il-Partit Nazzjonalista ma waqafx hemm u pprepara Omnibus Bill – pakkett ta’ liġijiet miġbura f’abbozz wieħed – biex jissaħħu l-istituzzjonijiet, jiżgura l-indipendenza tagħhom, isaħħaħ il-fiduċja tan-nies u jħares lill-ġurnalisti.
Mistoqsi dwar x’jagħmel jekk dawn ma jiġux aċċettati mill-Gvern, Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista se jfittex toroq oħra biex iżid il-pressjoni fuq il-Gvern sakemm jagħmel dak li huwa sewwa u jwettaq dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Dwar il-fatt li l-pajjiż għadu ma ħax ġustizzja fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, Alex Borg qal li dan jaf iħalli konsegwenzi kbar fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u hu għalhekk li l-Gvern irid juża l-mezzi kollha biex isewwi l-ħsara li saret.
Il-Kap tal-PN qal li l-Avukat Ġenerali falliet f’numru ta’ każijiet li uħud minnhom spiċċaw preskritti u f’oħrajn m’aġixxietx kif suppost. Għalhekk il-pożizzjoni tagħha m’għadhiex tenibbli.
Dwar il-każ ta’ Alex Agius Saliba, il-Kap tal-PN qal li sakemm qed issir investigazzjoni, wieħed irid jistenna x’se joħroġ minnha. Huwa qal li hija ħasra f’kull każ li jinvolvi membri tal-Partit Labutrista, dawn jippruvaw jitfgħu tajn fuq il-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tal-popolazzjoni dejjem tikber, fejn qal li l-problema hija n-nuqqas ta’ ppjanar tal-Gvern li żied il-ħaddiema mingħajr ma ppjana. Dan ħalla pajjiż b’inrastruttura qed iċċedi: drenaġġ fil-baħar, sistema tal-elettriku li ma tlaħħaqx, sptarijiet mimlijin u toroq iġġammjati. Alex Borg qal li jekk il-Gvern irid ikompli jkabbar il-popolazzjoni kif qal ftit ilu, irid jinvesti bis-serjetà fl-infrastruttura ta’ pajjiżna.
Huwa tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ ppjanar fit-turiżmu, inkluż fl-avvenimenti li jiġbdu lejn Malta numru ta’ barranin kif ukoll dwar il-bżonn li pajjiżna jiddiversifika aktar it-tip ta’ turiżmu inkluż dak reliġjuż, gastronomiku u oħrajn. Il-Kap tal-PN qal li jeħtieġ li verament nagħmlu bidla fid-direzzjoni mill-kwantità għall-kwalità. Qal ukoll li l-multi għal turisti li jiġu f’Malta u jaġixxu b’mod inaċċettabbli għandhom ikunu ferm aktar b’saħħithom biex ikunu ta’ deterrent serju.
Mistoqsi dwar il-qagħda finanzjarja tal-PN, Alex Borg qal li din il-ġimgħa kienu ppreżentati l-kontijiet tal-PN lill-Kummissjoni Elettorali fejn għall-ewwel darba f’ħafna snin il-PN għamel surplus ta’ €100,000 filwaqt li bħalissa qed isir eżerċizzju biex jintużaw aħjar l-assi tal-partit. Huwa spjega wkoll li l-kampanja elettorali ma ħallietx dejn lill-PN.
Alex Borg qal li sal-aħħar tas-sena l-PN se jkollu Viċi Kap tal-Parlament u Viċi Kap tal-Partit u sadanittant qed tkompli l-konsultazzjoni dwar ir-riforma tal-Istatut biex dan ukoll jitlesta kemm jista’ jkun malajr. Huwa qal li dan se jkun Statut ġdid kif ukoll se jkun hemm verżjoni ġdida tal-Fehmiet Bażiċi tal-PN.
Mistoqsi dwar x’għamel il-PN wara t-telfa elettorali, Alex Borg qal li wara li sar ir-rapport tat-telfa, beda minnufih ix-xogħol propju fuq l-Istatut u qed ikompli wkoll il-proċess ta’ riforma. Dan minbarra li l-PN qed ikompli bl-eżerċizzju ta’ outreach man-nies kif ukoll ir-riforma fil-media, u ħidma akbar tad-Deputati man-nies.
Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista qed iħejji għall-budget u qed jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali biex jagħmel dan. Huwa semma l-importanta li ma nibqgħux nużaw biss il-GDP bħala kejl tal-ekonomija tagħna u li nħarsu lejn mudelli oħra biex niżguraw li jkollna stampa ċara ta’ kif verament sejra l-ekonomija ta’ pajjiżna.
L-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista marbuta mal-Indipendenza jilħqu l-qofol tagħhom għada l-Ħadd bil-Mass Meeting fuq il-Fosos tal-Furjana indirizzat mill-Kap tal-PN Alex Borg.
19.09.2026

