Il-ħaddiema huma tassew fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista
Il-ħaddiema huma tassew fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista, li hu l-uniku partit f’pajjiżna li qed iġib l-interessi tal-ħaddiema l-ewwel u qabel kollox. Huma s-sinsla tal-ekonomija u l-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi li, bis-sehem u d-dedikazzjoni tagħhom, il-kumpanija fejn jaħdmu tkun tista’ timxi ’l quddiem.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara fil-bini tal-kumpanija Simonds Farsons Cisk bħala parti mill-attivitajiet ta’ Jum il-Ħaddiem bit-tema “Nagħtu s-Saħħa lill-Ħaddiem”. Hemm hu anke kellu l-opportunità jitkellem mal-ħaddiema preżenti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li mal-ħaddiema kollha li ltaqa’ magħhom fis-sezzjonijiet differenti tal-kumpanija, seta’ japprezza l-avvanz li sar fit-teknoloġija u d-dedikazzjoni tagħhom fix-xogħol li jagħmlu b’tant kburija. Qal li matul din il-ġimgħa partikolari, hu importanti li wieħed japprezza kemm il-ħaddiema huma ħolqa importanti f’kull entità kummerċjali.
Hu segwa l-ħidma tal-impjegati li ta’ kull filgħodu joħorġu minn djarhom biex jaqilgħu x’jieklu għall-familja, fejn faħħar ukoll il-viżjoni tal-imprendituri Maltin li jħarsu ‘l quddiem u jtejbu l-operat tagħhom. Qal li grazzi għall-viżjoni li ġejja minn snin ta’ ħidma, il-kumpanija Farsons kompliet tikber sena wara l-oħra.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Farsons Louis Farrugia, akkumpanjat mad-diriġenti tal-kumpanija, qal li l-kumpanija rat li tibqa’ għaddejja mingħajr skossi, minkejja l-isfidi li ffaċċjat kawża tal-pandemija.
Matul iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Ekonomija u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda Ivan J. Bartolo u mill-Kelliem għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Infrastruttura Ryan Callus.
24.04.2023