L-interessi tal-ħaddiema għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista llum kompla biż-żjarat tiegħu fost il-ħaddiema bħala parti mill-attivitajiet marbuta ma’ Jum il-Ħaddiem, bit-tema “Nagħtu s-Saħħa lill-Ħaddiem”. Matulhom, hu kompla jispjega kemm il-Partit immexxi minnu jemmen verament li l-ħaddiema għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika.
Hu qal li għal Partit Nazzjonalista, l-interessi tal-ħaddiema jiġu l-ewwel u qabel kollox u għalhekk se jibqa’ jaħdem biex il-vuċi tal-ħaddiema kollha tinstema’ u biex dawn verament jingħataw dak kollu li jixirqilhom.
Meta żar ir-residenza Casa Arkati, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista seta’ japprezza d-dedikazzjoni tal-profesjonisti u impjegati, kif ukoll l-impenn u l-kburija li bih jagħmlu xogħlhom ta’ kuljum. Hu spjega li l-isfidi li ħalliet il-pandemija wrew kemm hu importanti xogħol il-carers u l-infermieri, filwaqt li insista li l-apprezzament m’għandniex nuruh biss bil-kiem, iżda billi naraw li l-kundizzjonijiet tagħhom jitjiebu.
Akkumpanjat mid-Deputati Paula Mifsud Bonnici u Ian Vassallo, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ntlaqa’ u ddawwar miċ-Chairperson tal-kumpanija James Schriha, akkumpanjat minn membri oħra tat-tmexxija tar-residenza.
Sadanittant, matul żjara fil-fabbrika tat-tessut Bortex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex jagħraf li l-intrapriża privata hi mutur ewlieni fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Kompla li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem favur il-privat biex kull persuna tkun tista’ twettaq l-ideat tagħha. Għaldaqstant, il-Gvern għandu l-obbligu li jagħti klima tajba għat-tkattir ekonomiku.
Matul din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mid-Deputati David Agius, Ivan Castillo u Robert Cutajar.
26.04.2023