Irridu li kull persuna f’pajjiżna tirnexxi, u li jkun il-poplu li jgħinna nfasslu l-pjan biex nieħdu lil Malta ’il quddiem

Irridu li kull persuna f’pajjiżna tirnexxi, u li jkun il-poplu li jgħinna nfasslu l-pjan biex nieħdu lil Malta ’il quddiem

Il-Kap tal-PN Bernard Grech iħabbar li inkariga lil Dr George Vital Zammit biex jaħdem fuq il-programm elettorali tal-PN

Aħna nemmnu fl-aqwa opportunitajiet għal kulħadd. Irridu studenti li jimirħu fil-ġdid. Irridu edukazzjoni li tintegra l-isport, irridu edukazzjoni li tpoġġi l-kultura u l-arti fl-ogħla post, irridu edukazzjoni li lil uliedna tarmahom bil-ħiliet soċjali li ħadu daqqa ta’ ħarta fi żmien il-COVID, irridu edukazzjoni li tħeġġeġ f’uliedna l-ħsieb kreattiv, li tgħallimhom iwieżnu u janalizzaw, irridu edukazzjoni li twelled ħassieba, irridu edukazzjoni li tagħti l-għodda kollha biex l-istudenti tagħna jkunu leaders fl-evoluzzjoni diġitali.

Irridu skejjel attrezzati, mgħammra bl-aħjar faċilitajiet, u għalliema bl-aqwa kundizzjonijiet u riżorsi. F’idejhom il-futur mhux biss ta’ wliedna imma ta’ pajjiżna.

Waqt attività politika fi Ġnien Sir Anthony Mamo, f’Birkirkara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dalgħodu ffoka fuq qasam li fuqu jserraħ kull qasam ieħor f’pajjiżna: l-edukazzjoni.

Bernard Grech qal li wliedna, iż-żgħażagħ tagħna, u l-għalliema tagħna ma jixiriqilhom xejn inqas mill-aqwa, sabiex il-proċess tat-tagħlim ikun celebrazzjoni kontinwa tal-iżvilupp tal-istudenti.

Gvern bla direzzjoni ma jista’ jasal qatt li jilħaq dawn il-miri. Għandna Gvern bla direzzjoni li ma baqax jibni skola kull sena u minflok, tefa’ l-istudenti fil-containers. Gvern bla direzzjoni li jimla lill-istudenti u lill-għalliema b’tensjoni u ansjetà għax ma jinħarġulhomx ir-riżultati, minħabba li jibqa’ jimpika u jixxaħħaħ mal-edukaturi. Gvern li reġa’ kien kaġun ta’ inwkiet industrijali li konna ilna s-snin ma naraw bħalu. Gvern li jisfida lill-edukaturi tagħna. Gvern li lanqas lill-Università ma jirrispetta, ma jista’ qatt jissejjaħ gvern li għandu għal qalbu t-tagħlim u l-iżvilupp sħiħ tal-istudent.

Bernard Grech irrefera għad-diskors tal-Ministru tal-Finanzi meta ftit tal-jiem ilu nfexx jattakka lill-Università u jgħajjarhom li “they should pull up their socks and roll up their sleeves”. Jekk hawn xi ħadd li għandu jxammar il-kmiem u jibda jagħmel xi ħaga bis-serjetà dwar l-edukazzjoni, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, dan huwa l-Ministru tal-Edukazzjoni, li ma tismax kelma mingħandu tant li tibda taħseb li f’dan il-pajjiż ma hawnx ministru tal-edukazzjoni.

Tul id-djalogu f’Birkirkara tkellem Randolph Peresso, Deputat Kap ta’ Skola Primarja li tkellem dwar il-ħtieġa urġenti li ninvestu ferm aktar fl-għalliema u fl-infrastruttura tat-tagħlim. Semma l-problema tan-numru kbir ta’ għalliema li qed jagħżlu li jitilqu mill-qasam tal-edukazzjoni, u l-bżonn li nkunu ċerti li min qed jiġi impjegat biex jgħallem mhux biss ikun jaf is-suġġett imma jkun imħarreġ ukoll fil-mod kif isir it-tagħlim. Hu semma wkoll il-bżonn kbir ta’ investiment fl-infrastruttura tal-iskejjel, biex kemm l-edukaturi kif ukoll l-istudenti jkollhom ambjent li jgħin it-tagħlim.

Michelle Attard Tonna, Senior Lecturer fl-Università ta’ Malta, li wkoll għamlet intervent waqt din l-attività, irreferiet għad-diskors tal-Ministru Clyde Caruana ftit tal-jiem ilu dwar l-Università u qalet li bħala professjonista u bħala edukatur fl-Università tinsab inkwetata dwar dan it-tip ta’ diskors. Hija qalet li l-Università mhux qiegħda hemm biex tiġġenera l-flus imma biex teduka, biex tkabbar lill-individwi, biex trawwem ħassieba, anke għax bħalissa jidher li qed nonqsu milli nifhmu l-bidliet li għaddej minnhom pajjiżna. Hija qalet li l-Università għandha l-għan ukoll li tgħallimna dak li għandna niġġieldu għalih.

Filwaqt li rringrazzja lil Randolph Peresso u lil Michelle Attard Tonna tal-interventi tagħhom, il-Kap tal-PN qal li l-Partit Nazzjonalista jagħti kas, jimpurtah u qiegħed jisma’ lin-nies, għall-kuntrarju ta’ dak li qed jagħmel Gvern Laburista, li lanqas ta’ niesu stess mhu qed jagħti kas. Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem bi pjan li jaħseb f’kulħadd, għax ħadd m’għandu jibqa’ lura. Huwa miftuħ għal kull persuna li temmen fil-politika b’mod ġenwin, u mimli enerġija għax jemmen fil-poplu tagħna u hu viċin in-nies, qalb waħda magħhom.

Bernard Grech ħabbar li biex il-PN ikompli jagħmel dan, qed jinkariga lil George Vital Zammit biex jaħdem fuq il-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Filwaqt li qal li bħalissa fil-PN qed naraw entużjażmu ġdid, b’nies li qed jersqu lejn il-Partit u oħrajn li qed jiġu avviċinati biex jagħtu sehemhom bl-ideat tagħhom, il-Kap tal-PN irringrazzja lil George Vital Zammit u lil nies bħalu li qed joffru ħinhom bi mħabba lejn pajjiżhom biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jilħaq verament lil kulħadd.

Filwaqt li radd ħajr lill-Kap tal-PN għall-fiduċja, George Vital Zammit, f’messaġġ qasir, qal li l-proċess tat-tfassil tal-programm elettorali tal-PN irid ikun wieħed inklużiv. Irid jirrifletti lil kull min iħabbatlek il-bieb, lil kull min iċempillek, lil kull min jikteb post fuq Facebook, lil kull min jibgħatlek messaġġ. Dan, qal Vital Zammit, irid ikun programm li jerġa’ jagħti t-tama f’pajjiż fejn qiegħed kulma jmur jikber is-sens ta’ qtigħ il-qalb. “Jien nemmen li bl-għajnuna ta’ kulħadd, pajjiżna jista’ jkollu pjan li jwassal biex il-poplu Malti jagħti lill-Partit Nazzjonalista il-mandat li għandu bżonn biex imexxi lil pajjiżna ’l quddiem”, qal George Vital Zammit.

Fil-messaġġ tiegħu fl-għeluq tad-djalogu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jmexxi bl-azzjoni, mhux bil-paroli. Jisma’ lil kulħadd, mhux jgħaddi romblu minn fuq kulħadd.

Il-Partit Nazzjonalista se jagħti direzzjoni ġdida, u hu propju dak li qed jagħmel bħalissa. Qed jaħdem biex ifassal id-direzzjoni li meta jkun il-waqt ikun jista’ jwettaq. U dan qed jagħmlu bil-laqgħat li qed ikollu ta’ kuljum ma’ għaqdiet differenti, u man-nies.

Bernard Grech qal li Malta u Għawdex m’għandhomx bżonn gvern li joħloq hu stess il-problemi, imma gvern li jagħraf fejn irid jieħu lill-pajjiż.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħmel dan. U l-Partit Nazzjonalista qed isejjaħlek biex int ukoll tagħti sehmek fit-tfassil tal-pjan li b’azzjoni u direzzjoni se jwassal lil pajjiżna fejn jixraqlu.

20.10.2024