Malta Żagħżugħa

Malta Żagħżugħa

Il-Partit Nazzjonalista jħabbar it-tema u l-logo għall-Kunsill Ġenerali li se jitlaqqa’ fil-ġimagħtejn li ġejjin

Malta Żagħżugħa.

Din hija t-tema tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li se jkun qed jitlaqqa’ fil-ġimgħat li ġejjin. Kunsill Ġenerali li se jkun wieħed strumentali biex nerġgħu nagħtu lil pajjiżna ż-żgħożija li għad irid jgħix.

It-tema tal-Kunsill Ġenerali tħabbret mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u llejla l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN se jiddiskuti l-Mozzjoni li se jkollu quddiemu l-Kunsill Ġenerali biex jingħata bidu għal dan il-proċess tant importanti.

Fil-ġimagħtejn li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiltaqa’ ma’ dawk kollha li b’xi mod jagħtu kontribut lill-PN f’numru ta’ assemblej ta’ diskussjoni, attivitajiet u sessjonijiet oħra.

Ilkoll flimkien se nkunu qed nirrankaw il-ħidma li se twassalna biex noffru tmexxija ġdida għal pajjiżna.

Aħna nemmnu f’Malta Żagħżugħa mimlija enerġija u determinazzjoni biex bit-tama u l-kuraġġ fina nfusna, il-poplu Malti u Għawdxi jkollu ġejjieni aħjar.

Il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lil kulħadd biex jingħaqad miegħu biex naħdmu flimkien għal Malta Żagħżugħa.

Niżżel il-Mozzjoni tal-Kunsill Ġenerali minn hawnhekk: https://bit.ly/MaltaŻagħżugħa.

25.10.2024