Dan Budget biex Robert Abela jsalva ġildu
Budget li ma jsolvix il-problemi tal-pajjiż
Il-Gvern qal li dan il-Budget hu favur pajjiż ta’ kwalità. Imma s-slogan ta’ dan il-Budget huwa l-akbar ammissjoni ċara tal-falliment tiegħu stess.
Fl-ewwel kummenti tiegħu wara d-diskors tal-Budget 2025 li tressaq fil-Parlament illejla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li wara 13-il Budget ippreżentati mill-Labour, u wara li qalulna li l-aqwa żmien għadu ġej, issa jiġu jgħidulna li rridu mmorru lejn pajjiż ta’ kwalità – ammissjoni ta’ falliment u medjokrità.
Illejla ħareġ bic-ċar li dan il-Gvern qata’ qalbu li jista’ jipprovdi soluzzjonijiet lill-poplu Malti u Għawdxi. Għandna Gvern u Prim Ministru li jinsab f’kaos li ħoloq hu stess.
Aktar minn qatt qabel, illum ħareġ ċar li pajjiżna għadu jeħtieġ sens ta’ direzzjoni li jerġa’ jagħti lin-nies kuraġġ u tama li l-kwalità tal-ħajja tista’ terġa titla’ l fuq.
Wara li kien qalilna li ż-żieda fil-popolazzjoni se tiffinanzja l-pensjonijiet, fid-diskors tal-budget il-Gvern ħabbar li se jżid l-età tal-pensjoni. Fi ftit kliem qalilna li ll-politika tiegħu falliet.
Dan hu Budget biex Robert Abela isalva ġildu.
Wara l-messaġġ ċar tal-elezzjoni ta’ Ġunju u kull stħarriġ minn dakinhar ‘l hawn, Robert Abela jinteressah biss ta’ kif se jkampa sa għada.
Għandna Gvern li għal darba oħra qiegħed idaħħal idejh fil-but tan-nies, jagħtik b’waħda u jieħu bl-oħra. Naqqaslek l-income tax, kif qallu l-Partit Nazzjonalista, imma jridek taħdem sena oħra b’żieda fl-età tal-irtirar.
Għandna Gvern li jinjora lill-unions li qalulu ma jintaxxax iż-żieda għall-għoli tal-ħajja.
Għandna Gvern li ma joħloq xejn għal uliedna ħlief aktar u aktar dejn.
Għandna Gvern li wara li rdoppja d-dejn għal 10 biljun ewro, qalilna li jrid jiddejjen xejn anqas minn tliet biljuni oħra.
Minflok żied in-nefqa kapitali biex jindirizza l-problemi infrastrutturali li ġabet iż-żieda fil-popolazzjoni, naqqas din in-nefqa b’40 miljun ewro.
Għawdex mhux talli mhux prijorità, talli laqqatha agħar għax kellu tnaqqis sostanzjali fin-nefqa għall-proġetti.
Dan hu Gvern bla viżjoni li l-kwalità iridha għalih biss.
Sena ilu konna hawn, u għidna li l-problemi li qed jitkellmu dwarhom il-Maltin huma dawn, qabel kollox:
- Għoli tal-ħajja li jibqa’ jippersisti u iktar persuni ma jlaħħqux
- Traffiku u kaos kull ħin tal-ġurnata
- Skart u telqa madwar il-pajjiż
- Popolazzjoni eċċessiva li qed tħalli impatt fuq setturi kritiċi bħall-edukazzjoni u s-saħħa għax il-Gvern prefera ċ-cheap labour barrani minnek
- Korruzzjoni ma’ kull fejn tmiss
- Bqajna bla soluzzjoni għall-waiting lists fl-isptar u bla risposta dwar l-400 miljun li serquna ta’ Vitals u Steward
- Qtugħ tad-dawl u drenaġġ fil-baħar
Għaddiet sena oħra u bqajna bl-istess problemi. Għada filgħodu se nqumu u nsibu l-istess problemi. Kulma qalulna hu li se jagħmlu studji, rapport u roadmaps. U nistennew sal-2050.
Biex ikollok pajjiż ta’ kwalità ma jistax ikollok Gvern medjokri.
Fl-aħħar jiem smajna kif il-kumpaniji barranin li jinvestu l-miljuni kbar u joħolqu l-aqwa xogħlijiet f’Malta qed jaqtgħu qalbhom minn pajjiżna.
Fost l-akbar problemi li qed isibu jsemmu hemm l-ambjent politiku u regolatorju, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, u l-infrastruttura li ma tiflaħx aktar. Qed jgħidulna li l-kompetittività ta’ pajjiżna tnawret.
Dan x’qal is-survey tan-negozju. Imma ftit tax-xhur ilu, il-poplu Malti tkellem ukoll, bl-aktar survey importanti, il-vot, u l-Gvern ra l-maġġoranza tiegħu tisfuma fix-xejn.
Illum ġejna hawn, b’tama, li l-Gvern kien qed jisma’. Imma għal darba oħra, il-Gvern qed jipprova jgħatti l-falliment tiegħu billi jroxx il-bżar fl-għajnejn, u lilna ħalliena bla soluzzjonijiet.
Reġa’ qalilna li se jikkonsulta, biex forsi s-sena d-dieħla jkollu Viżjoni għall-2050. Kliem li xbajna nisimgħuh, imma sa issa baqa’ kollox duħħan.
Fl-għeluq tal-budget, il-Ministru Caruana qal waħda tajba. Il-futur ta’ għada jitlob riċetta differenti minn tal-passat. Aħna naqblu miegħu. Il-Gvern li ħoloq dawn il-problemi ma jistax ikun hu li jsolvihom.
Il-Partit Nazzjonalista għalhekk qiegħed hawn. Qegħdin hawn għax noffru tama, noffru fiduċja li mhix ibbażata fuq kliem fieragħ iżda fuq pjan li qed nibnu bl-akbar konsultazzjoni wiesgħa possibbli, fejn diġà tkellimna fil-beraħ dwar għadd ta’ proposti li jistgħu jagħmlu differenza minn issa.
Aħna Partit ta’ azzjoni, Partit ta’ inizjattiva, Partit li jagħti direzzjoni. Aħna qed naħdmu fuq id-direzzjoni li rridu nwettqu. Hu għalhekk li tarawna ta’ kuljum niltaqgħu ma’ għaqdiet differenti f’kull settur u ma’ kulħadd. Il-Partit Nazzjonalista huwa l-alternattiva li toffri direzzjoni b’saħħitha għal pajjiżna.
Il-ġimgħa d-dieħla nkomplu naqsmu l-viżjoni tagħna għal dan il-pajjiż li tant inħobbu.
Aħna nemmnu f’pajjiżna. It-tama u l-kuraġġ tagħna ġejjin mit-twemmin tagħna fil-ħiliet tal-poplu Malti u Għawdxi, li meta jiġu mismugħa u jkollhom direzzjoni jagħmlu suċċess għalihom u għal pajjiżna.
Bil-fiduċja tan-nies, il-Partit Nazzjonalista jkun Gvern li jwettaq.
28.10.2024