F’pajjiż ta’ kwalità ma tarax flyovers fil-qalba ta’ raħal

F’pajjiż ta’ kwalità ma tarax flyovers fil-qalba ta’ raħal

Il-PN jappella lill-Gvern biex iħares il-lokalitajiet u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-irħula Maltin u Għawdxin

Ir-residenti tal-irħula tagħna jistħoqqilhom pajjiż ta’ kwalità. Dwar dan hemm qbil bejn il-Gvern u l-Partit Nazzjonalista. Imma bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. Gvern li jgħid li jrid lokalitajiet ta’ kwalità għadu qed iwebbes rasu li jgħaddi flyover ta’ tliet sulari mill-qalba tal-Imsida.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut, ix-Shadow Minister għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Joe Giglio, u s-Sindku tal-Imsida Charles Selvaggi, il-Partit Nazzjonalista reġa’ appella lill-Gvern biex iwaqqaf il-bini tal-flyover ipjanata għaċ-ċentru tal-Imsida u jikkunsidra alternattivi li ma jkomplux irendu lil din iż-żona tal-pajjiż aktar frekwentata mill-karozzi milli diġà hi. Preżenti kien hemm ukoll il-Kunsillieri l-oħra tal-PN fl-Imsida.

Il-kelliema qalu li minkejja li l-Ministru tal-Infrastruttura qed jgħid li issa tard wisq, dment li l-flyover għada ma nbientx, għadna fil-ħin biex inwaqqfuha.

L-infrastruttura li nippermettu li tinbena llum se tibqa’ tħalli impatt għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Flyover ta’ tliet sulari f’nofs l-Imsida se tkun il-legat tagħna lil uliedna u wlied uliedna.

Dan minbarra l-fatt li ħadd, inkluż il-Ministru u Infrastructure Malta, ma ta garanzija li din il-flyover se tnaqqas it-traffiku fiż-żona.

Il-flyover, li se jkollha karreġġjata waħda fuq kull direzzjoni, se tkompli toħloq konġestjoni akbar milli diġà teżisti qrib l-iskatepark ta’ ħdejn l-Università, tant li waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni, Infrastructure Malta kienet qalet li hemm pjanijiet biex kif jitlesta l-bini tal-floyver jibda proġett ieħor aktar ’il fuq.

Dan il-metodu ta’ immaniġġjar tat-traffiku hu wieħed skadut, u fl-aħħar snin rajna kif minkejja l-bini ta’ flyovers oħra f’zoni traffikużi fil-pajjiż, għadna ta’ kuljum neħlu fit-traffiku.

Is-soluzzjoni mhijiex aktar bini ta’ toroq, imma direzzjoni ġdida u infrastruttura li tħeġġeġ aktar l-użu ta’ mezzi alternattivi tat-trasport u mezzi tat-trasport tal-massa komdi u effiċjenti.

Is-sindku tal-Imsida Charles Selvaggi saħaq li l-Kunsill minn dejjem kellu riservi dwar il-flyover u kemm din tista’ ssolvi l-problema tat-traffiku. Dan minkejja l-qbil dwar il-bżonn ta’ proġett li jirriġenera l-Imsida permezz ta’ spazji miftuħa.

Huwa qal li dawn ir-riservi joħorġu ċari wkoll minn minuta li ttieħdet waqt laqgħa tal-Kunsill lura fil-31 ta’ Jannar tas-sena li għaddiet (ara taħt) li tgħid ċar u tond li l-Kunsill kollu kien għad għandu tħassib dwar it-traffiku li xorta se jeħel ħdejn l-iskatepark u li għalkemm il-Kunsill kien diġà ġie infurmat li kien hemm pjan ieħor għal dan, kellu riservi sakemm ikun jaf kif se tkun qed tiġi indirizzata din il-problema.

Sal-lum il-Kunsill għadu bla tweġiba dwar dan. Lanqas Infrastructure Malta ma jidher li għad għandha pjan ċar ta’ x’se jsir minkejja li l-bini tal-flyover skedat li jibda dalwaqt.

Jekk se nibnu flyover fil-qalba tal-Imsida biex suppost intaffu t-traffiku imma nafu li se noħolqu aktar sadd biha, mhux ġust li l-Misidjani tal-lum u tal-ġenerazzjonijiet futuri jitwikkaw bi flyover fil-qalba tar-raħal li xorta mhu se ssolvi xejn.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jappella lill-Gvern biex iwaqqaf il-bini ta’ din il-flyover u jikkonsulta mal-ħafna periti u esperti li għandu biex il-Misidjani wkoll jgħixu f’pajjiż ta’ kwalità mingħajr flyover fil-qalba tar-raħal tagħhom.

31.10.2024