Malta Żagħżugħa: ’il quddiem b’determinazzjoni lejn pajjiż ħaj u enerġetiku

Malta Żagħżugħa: ’il quddiem b’determinazzjoni lejn pajjiż ħaj u enerġetiku

Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ffukat fuq dak li jixtieq il-poplu Malti u Għawdxi għal pajjiżna

Il-Kunsill Ġenerali bit-tema Malta Żagħżugħa hu Kunsill mibni fuq it-tama u d-determinazzjoni li qed naraw fil-poplu Malti u Għawdxi.

Minkejja l-isfidi li qed jiffaċċja l-pajjiż, fl-aħħar xhur rajna tama ġdida li reġgħet nibtet fost il-Maltin. Tama li dan pajjiżna jista’ jbiddel id-direzzjoni u jerġa’ jsib triq li tiftaħ orizzonti ġodda għalina lkoll.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet lejliet il-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino spjega kif dan il-Kunsill ġie msejjes fuq dak li jrid il-poplu Malti għal pajjiżu.

Il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jinfetaħ għal aktar ideat u fuq dan qed ikompli jibni l-programm li għandu jwassal biex pajjiżna jkollu Gvern ġdid Nazzjonalista li jista’ jagħti lil pajjiżna d-direzzjoni li kulħadd tant jixtieq.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijet, iċ-Chairperson tal-Kumitat Eżekuttiv Joe Grech ta rendikont ta’ dak li ntqal waqt it-tliet Assemblej għall-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali, li saru din il-ġimgħa, fl-Imġarr mal-Kunsillieri mil-lokalitajiet fit-Tramuntana ta’ Malta, fil-Fgura mal-Kunsillieri mil-lokalitajiet tan-Nofsinhar, u fir-reġjun ta’ Għawdex.

1. L-Edukazzjoni u l-Inklużjoni taż-Żgħażagħ
L-edukazzjoni kienet tema li ssemmiet f’dawn il-laqgħat. Iż-żgħażagħ esprimew it-tħassib tagħhom għall-fatt li din mhix tingħata prijorità mill-Gvern, tant li anke l-Budget ħalla barra għal kollox lill-Università u lill-MCAST.

Ħafna studenti qed jispiċċaw jitilfu l-motivazzjoni biex jistudjaw. Dan minbarra li ż-żgħażagħ tagħna mhux ilaħħqu mal-ħajja u m’għandhomx fejn igawdu l-ħin liberu tagħhom f’ambjent naturali mħares.

Hemm bżonn ta’ investiment serju f’kull livell tal-edukazzjoni u jeħtieġ naraw li pajjiżna jkun attraenti biżżejjed biex iż-żgħaħżagħ tagħna jibqgħu jgħixu Malta.

2. Kwalità tal-Ħajja u l-Ambjent
L-iżvilupp bla pjan u ż-żieda fil-popolazzjoni ssemmew bħala punti li qed jaffettwaw serjament il-kwalità tal-ħajja. F’xi lokalijiet, ir-rata ta’ residenti ġodda kull sena qed tiżdied b’rata sproporzjonata ma’ kemm jifilħu l-lokalitajiet u l-infrastruttura tagħhom. Dan qed iħasseb lil ħafna.

Jeħtieġ li naraw li jinstab bilanċ u li jsir l-investiment meħtieġ biex l-infrastruttura ta’ pajjiżna ma ċċedix taħt il-pressjoni kbira li qed tiffaċċja.

3. Is-Saħħa Mentali u l-Wellbeing
Il-bżonn ta’ ħarsien tal-ambjent u l-ħtieġa ta’ pjan olistiku għas-saħħa mentali huma marbutin flimkien. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ukoll irrimarka li l-kelma “wellbeing” ma ssemmietx fil-Budget. Dan jikxef kemm Gvern Laburista hu maqtugħ minn man-nies.

Pajjiżna għandu bżonn urġenti ta’ pjan li jkun verament iffukat fuq it-tisħiħ u l-kura tas-saħħa mentali tagħna lkoll.

4. Kunsilli Lokali u Riżorsi għal-Lokalitajiet
Pajjiż ta’ kwalità hu magħmul minn lokalitajiet ta’ kwalità. Iżda tul l-Assemblej kien innutat kif il-Kunsilli Lokali mhux ilaħħqu mal-ispejjeż li sabu fuqhom. Bit-tkabbir fil-popolazzjoni, kibret ħafna l-pressjoni fuq il-lokalitajiet. Eżempju wieħed hu ż-żieda fl-iskart, li wasslet ukoll għal żieda fl-ispejjeż għall-Kunsilli.

L-allokazzjoni ta’ fondi għall-Kunsilli mhix biżżejjed u dan hu xhieda ta’ Gvern li mhux talli m’għandux interess li jsaħħaħ il-Kunsilli, talli ma’ kull opportunità jara kif se jdgħajjifhom.

Ir-residenti ħaqqhom Kunsilli li jkunu jistgħu imexxu l-lokalitajiet mingħajr indħil.

5. Viżjoni u Vokazzjoni tal-Partit
Hu ċar li ħafna qed iħossu l-bżonn ta’ alternattiva politika soda biex Malta toħroġ mill-isqaq li daħlet fih.

It-tmexxija u l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista enfasizzaw il-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn politiki differenti u li jkunu indirizzati b’mod strateġiku l-problemi soċjali li l-Gvern preżenti qed ikompli jaggrava.

6. Irridu Għawdex Żagħżugħ
Fl-Assemblea ta’ Għawdex issemmew l-isfidi li għadu qed jaffaċċja dan ir-reġjun. Il-ħtieġa ta’ konnettività aħjar, il-bżonn ta’ aktar xogħol ta’ kwalità f’Għawdex u l-importanza li jkun hemm aktar investiment barrani.

F’Għawdex, fl-aħħar snin, inħasset ir-rieda taż-żgħażagħ li jkunu aktar attivi u li jkunu aktar parti mill-mixja għal bidla fid-direzzjoni ta’ dan il-pajjiż.

Iż-żgħażagħ, imma mhux biss, l-Għawdxin kollha, jixirqilhom Għawdex żagħżugħ li joffri tama u opportunitajiet.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliema tennew li l-Partit Nazzjonalista hu impenjat biex joffri politika miftuħa, konvinta u bil-għan li tipprovdi direzzjoni għal Malta iżjed żagħżugħa, responsabbli u għaqlija fl-oqsma kollha tal-ħajja.

It-tema Malta Żagħżugħa tfisser li l-Partit Nazzjonalista hu determinat li ma jaċċettax l-istatus quo u r-realtà li jridna nemmnu l-Partit Laburista, iżda li jkun minn tal-ewwel li jagħti s-soluzzjonijiet lil dan il-pajjiż.

02.11.2024