Nhar il-Ħamis tal-Labour iridu jagħżlu bejn il-poplu u l-ħallelin

Nhar il-Ħamis tal-Labour iridu jagħżlu bejn il-poplu u l-ħallelin

Jumejn oħra l-Kumitat Parlamentari għall-Istandards se jiddeċiedi jadottax ir-rapport dwar il-frodi ta’ Clayton Bartolo u Clint Camilleri. Il-Kap tal-PN jirringrazzja lill-eluf li attendew il-protesta tal-bieraħ

Id-Deputati tal-Partit Laburista fil-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika nhar il-Ħamis se jkollhom għażla ċara quddiemhom. Iridu jagħżlu jew favur il-pajjiż u l-poplu, inkella jridux li jibqgħu jipproteġu lill-ħallelin biex ikomplu jagħmlu li jridu.

Dan kien il-messaġġ prinċipali li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta, waqt intervista fuq NET FM dalgħodu, fakkar kif il-Ħamis li ġej, il-Kumitat Parlamentari se jkun qed jiddeċiedi jadottax ir-rapport tal-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, li sab li l-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri ffrodaw lill-poplu meta s-sieħba (illum il-mara) tal-Ministru Bartolo ngħatat €70,000 għal konsulenza li qatt ma wettqet fil-Ministeru ta’ Clint Camilleri.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, bil-preżenza tagħhom fil-protesta tal-bieraħ filgħaxija, eluf ta’ Maltin u Għawdxin tennew il-ħtieġa li l-Membri tal-Partit Laburista fil-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jadottaw dan ir-rapport u jaċċettaw ir-rakkomandazzjonijiet, filwaqt li jieqfu jinjoraw lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jew il-karba tal-poplu.

Filwaqt li rringrazzja lill-eluf li lbieraħ filgħaxija nġabru quddiem il-Parlament u wieġbu għas-sejħa tal-PN biex isemmgħu leħinhom u tittieħed azzjoni, minkejja kull mossa li ħa l-Gvern biex jipprova jaqta’ qalb in-nies, fosthom l-għeluq tat-toroq, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif illum, il-Partit ta’ Robert Abela sar kollox minbarra partit tal-ħaddiema.

Tenna wkoll li llum pajjiżna hu mmexxi minn Prim Ministru dgħajjef u rikattat, li qed iħalli żewġ Ministri mill-Kabinett tiegħu jippruvaw jagħmlu li jridu. U bil-preżenza tagħhom, l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li attendew għall-protesta wasslu l-messaġġ ċar li Robert Abela ma jistax jibqa’ jiddefendi lill-ħażin. Il-poplu qed iwissi lil Robert Abla biex ma jibqax jinjora r-rabja li qed iħoss.

Il-Kap tal-PN irringrazzja wkoll lil Matthew Maggi, li matul il-protesta tal-bieraħ fakkar kif diversi ħaddiema fis-settur tal-films, fosthom hu stess, għadhom ma tħallsux, minkejja l-kliem sabiħ ta’ Clayton Bartolo, li hu politikament responsabbli mis-settur.

Quddiem dan kollu, Bernard Grech spjega kif il-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lil Robert Abela u lil-Labour jippruvaw jagħlqu ħalq xi ħadd jew jagħmlu xi frame-up bħalma ppruvaw jagħmlu lil Giovanna Debono, meta Abela nnifsu kien l-avukat ta’ dak li vvinta allegazzjonijiet kontra r-raġel tal-eks Ministru Nazzjonalista. Għaldaqstant, min ikun vittma ta’ allegazzjonijiet bħal dawn, għandu jitkellem immedjatament mal-Partit Nazzjonalista, li se jkompli jissaħħaħ u jkun it-tarka ta’ min ikun fil-mira ta’ attakki infondati.

Bernard Grech qal li Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minnu se jkun gvern ta’ kulħadd, li jgħin lil min ikollu bżonn l-għajnuna biex jimxi ‘l quddiem f’ħajtu. Għax għalkemm hu tajjeb li wieħed jirnexxi għax ikun tajjeb, Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li f’pajjiżna jkun hawn kwalità ta’ ħajja aħjar b’level playingfield u fejn tirnexxi mhux għax tkun taf lil xi ħadd, iżda skont l-abbiltajiet tiegħek.

19.11.2024