Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lil dawk kollha li baqgħu jagħtu s-servizz tagħhom minkejja l-maltemp li ħakem lil pajjiżna

Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lil dawk kollha li baqgħu jagħtu s-servizz tagħhom minkejja l-maltemp li ħakem lil pajjiżna

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg esprima r-ringrazzjament tiegħu lejn il-ħaddiema tal-forzi tal-ordni, il-Protezzjoni Ċivili, l-Armata, il-Pulizija, l-uffiċjali ta’ Transport Malta u tal-LESA, kif ukoll il-ħaddiema tas-saħħa talli minkejja l-maltemp kbir li ħakem lil pajjiżna, ħarġu jaqdu dmirijiethom biex iħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-poplu kollu.

Waqt intervent fil-Parlament bi tweġiba għal Stqarrija Ministerjali mill-Ministru Byron Camilleri, Alex Borg irringrazzja wkoll lill-volontiera kollha li għenu lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili fil-ħidma tagħhom fl-aħħar sigħat, kif ukoll lill-ħaddiema li issa għandhom biċċa xogħol biex inaddfu wara ċ-ċiklun li għaddej minn fuq pajjiżna.

Alex Borg esprima s-solidarjetà tiegħu mal-bdiewa, is-sajjieda u s-sidien ta’ negozji, l-aktar dawk fin-Nofsinhar ta’ Malta, li sofrew ħsarat riżultat tal-irwiefen.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-għalliema u l-edukaturi kollha li dalgħodu fetħu l-iskejjel tagħna u lil dawk kollha li offrew servizzi bażiċi f’kundizzjonijiet diffiċli.

Hu esprima l-gratitudni tiegħu wkoll lill-ħaddiema tal-Gozo Channel li baqgħu jħaddmu s-servizz sakemm setgħu f’kundizzjonijet xejn faċli.

Alex Borg irringrazzja lill-pubbliku talli żamm mad-direttivi mogħtija u esprima solidarjetà ma’ kull min sofra ħsarat kaġun tal-maltemp. Hu appella lill-Gvern biex jagħti s-sostenn tiegħu lil dawk li dalgħodu sebħu għal ħsarat u spejjeż.

20.01.2026