Il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jħeġġeġ l-innovazzjoni, il-professjonalità u l-impjiegi ta’ kwalità f’pajjiżna

Il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jħeġġeġ l-innovazzjoni, il-professjonalità u l-impjiegi ta’ kwalità f’pajjiżna

Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur żewġ kumpaniji li investew b’suċċess fl-innovazzjoni – Alberta Group u Seifert Systems Group

Il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jħeġġeġ l-innovazzjoni, il-professjonalità u l-impjiegi ta’ kwalità f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg illum żar żewġ kumpaniji li huma eżempju ta’ kif l-intrapriża f’Malta tista’ tikber b’mod sostenibbli, toħloq impjiegi ta’ kwalità u tinvesti fl-innovazzjoni.

Matul iż-żjara tiegħu fil-kumpanija Alberta Group fl-Imrieħel – li topera fis-settur tas-sigurtà u l-protezzjoni kontra n-nar – Alex Borg iltaqa’ mat-tmexxija u l-ħaddiema tal-kumpanija li tkellmu dwar kif inbiet ir-reputazzjoni tal-kumpanija bbażata fuq l-eċċellenza, il-professjonalità u l-impenn lejn is-sigurtà tal-familji, id-djar u n-negozji Maltin. Ġie enfasizzat ukoll kif il-kumpanija qed tkompli tinvesti fit-teknoloġija, fir-riċerka u fil-ħiliet tal-ħaddiema tagħha biex toffri servizzi dejjem aktar avvanzati.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg saħaq dwar l-importanza li l-Gvern jagħmel użu mill-esperjenza ta’ kumpaniji bħal dawn biex jintlaħqu standards aktar għoljin fis-sigurtà.

Wara, Alex Borg żar ukoll il-kumpanija Seifert Systems Group, li ilha topera minn Malta sa mill-1965, sena biss wara l-Indipendenza ta’ pajjiżna, u li tul dawn is-snin kollha baqgħet tinvesti f’ħaddiema Maltin u topera b’saħħa minn pajjiżna. Matul iż-żjara fil-faċilitajiet tal-kumpanija f’Ħal Far, ġiet diskussa l-importanza ta’ stabbiltà, ippjanar fit-tul u appoġġ reali għall-industrija biex kumpaniji bħal Seifert ikomplu jkabbru l-operat tagħhom minn Malta. Seifert hija meqjusa bħala leader globali fil-qasam tal-industrial thermal management.

F’kumenti li ta waqt dawn iż-żjarat, Alex Borg saħaq li l-Partit Nazzjonalista jemmen f’ekonomija mibnija fuq intrapriżi serji u tmexxija b’responsabbiltà, b’kumpaniji li jirrispettaw lill-ħaddiema u jinvestu fil-kwalità u l-innovazzjoni.

Żjarat bħal dawn, sostna l-Kap tal-PN, huma parti mill-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jkun viċin in-negozji u jifhem ir-realtajiet tagħhom biex mill-gvern joħloq ambjent li jħalli lil dawn il-kumpaniji jirnexxu u joħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol ta’ valur.

Alex Borg saħaq dwar l-importanza tal-manifattura għal pajjiżna u qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jara li bħala gvern alternattiv jibqa’ jagħti s-sapport u jinċentiva lil din l-industrija biex tkompli tissaħħaħ.

Għaż-żjara lill-kumpanijia Alberta kienu preżenti wkoll ix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Ryan Callus, ix-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà Darren Carabott, ix-Shadow Minister għall-Proġetti Kapitali u l-Infrastruttura Bernard Grech kif ukoll il-kandidata għall-elezzjoni ġenerali f’isem il-PN Annabelle Cilia.

Għaż-żjara għand Seifert, flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista attendew ukoll ix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Ryan Callus, ix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg, ix-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma Mark Anthony Sammut u l-kandidat Noel Muscat. Preżenti wkoll kien hemm Stanley Zammit, Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet, li bħala Inġinier ilu snin twal jaħdem ma’ Seifert.

28.01.2026

Ritratti miż-żjara tal-Kap tal-PN għand il-kumpanija Alberta:

Ritratti miż-żjara tal-Kap tal-PN għand il-kumpanija Seifert Systems Group: