Il-Kap tal-PN Alex Borg jiltaqa’ mal-familji u d-dilettanti fil-Karnival
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qatta’ l-weekend tal-Karnival jiltaqa’ mal-familji u mad-dilettanti u l-voluntieri f’Għawdex u f’Malta bi żjarat kemm fil-Belt Victoria u n-Nadur Għawdex, u anke fil-Belt Valletta dalgħodu. Fil-Belt dalgħodu huwa ltaqa’ mad-dilettanti u l-voluntieri li sfortunatament intlaqtu mill-maltemp li wassal biex ġew ikkanċellati xi attivitajiet.
Alex Borg irringrazzjahom tal-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom u qal li japprezza l-ħidma ma taqta’ xejn ta’ dawn in-nies li – xemx u xita – jibqgħu għaddejjin biex jipprovdu l-ispettaklu tant mistenni minn eluf ta’ Maltin u Għawdxin f’dan iż-żmien tas-sena. Hu esprima t-tama tiegħu li t-temp ikun xi ftit ħanin magħhom fil-jiem li ġejjin ħalli l-attivitajiet ikunu jistgħu jkomplu u l-familji jkunu jistgħu jgawdu ċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali tal-Karnival.







