B’viżjoni, iż-żgħażagħ tagħna qed jirrappreżentaw lil pajjiżna fuq livell internazzjonali

B’viżjoni, iż-żgħażagħ tagħna qed jirrappreżentaw lil pajjiżna fuq livell internazzjonali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jiltaqa’ mat-tim ta’ UM Racing

Huwa sabiħ tara liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li, b’viżjoni, qed jirrappreżentaw lil pajjiżna u jiksbu suċċessi fuq livell internazzjonali f’diversi oqsma. M’għandix dubju li d-dedikazzjoni tagħhom se tissarraf f’riżultat pożittiv ieħor.

Dan kien il-messaġġ li wassal lit-tim tal-UM Racing il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta ltaqa’ mal-membri ta’ dan it-tim fl-Università ta’ Malta, hekk kif bħalissa qed iħejju biex jipparteċipaw fil-Formula Student UK 2026 f’Silverstone.

Matul iż-żjara, il-Kap tal-PN kellu l-opportunità jara mill-qrib il-proġett tal-EV26 – il-karozza elettrika ġdida tat-tim, kif ukoll jiltaqa’ mal-istudenti tal-Università involuti f’dan il-proġett li jgħaqqad l-inġinerija u l-innovazzjoni mal-imprenditorija.

UM Racing diġà rrappreżentaw lil Malta b’suċċess f’kompetizzjonijiet lokali u internazzjonali, fosthom bir-rebħ tal-Innovation Catalyst Award fil-Malta Engineering Excellence Awards. Is-sena l-oħra spiċċaw ukoll mal-ewwel għaxar klassifikati fil-Formula Student UK 2025.

Din il-kompetizzjoni annwali tal-inġinerija fir-Renju Unit tipprovdi pjattaforma biex timijiet ta’ studenti tal-inġinerija minn universitajiet differenti minn madwar id-dinja jiżviluppaw single-seaters tat-tlielaq formula-style li mbagħad jikkompetu bihom fiċ-ċirkwit tal-Grand Prix ta’ Silverstone.

Alex Borg irrikonoxxa l-potenzjal, il-ħidma u l-ambizzjoni taż-żgħażagħ Maltin, fost l-oħrajn għall-kontribut tagħhom biex ikomplu jpoġġu isem Malta fuq quddiem fl-innovazzjoni u t-teknoloġija.

Għal din iż-żjara lill-Open Day tal-UM Racing, il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembri, ix-Shadow Minister għall-Enerġija Mark Anthony Sammut, ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ Bernice Bonello u d-Deputati Nazzjonalisti Rebekah Borg, Stanley Zammit u Ryan Callus.

01.04.2026