Flimkien, minn Għawdex, nibdew ir-riħ tal-bidla
Il-Kap tal-PN jgħid li hemm ħafna li llum qed jerġgħu jersqu lejn il-PN għax qed jaraw tama ġdida fil-politika Maltija, u jitlob skuża lil dawk li ħassew li l-PN naqashom
Alex Borg isostni li hu determinat li għal kull attakk u intimidazzjoni jwieġeb b’aktar ħidma u kuntatt man-nies
F’attività fir-Rabat Għawdex, jgħid li Gvern Nazzjonalista jwettaq il-viżjoni tiegħu għal Għawdex aħjar għall-Għawdxin, wara li l-Labour f’Għawdex wiegħed il-ħafna u wettaq il-ftit
Jien determinat li għal kull attakk u intimidazzjoni nwieġeb b’aktar ħidma għall-pajjiż, aktar kuntatt man-nies. Flimkien, mill-gżira Għawdxija, qed nibdew ir-riħ tal-bidla li jixraqlu dan il-poplu.
Waqt attività politika mis-sensiela Qrib Tagħkom illum fir-Rabat, Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li jrid iwettaq il-viżjoni tiegħu għal Għawdex aħjar – fejn l-Għawdxin igawdu minn sptar ġdid, minn konnettività effiċjenti bi flotta ġdida ta’ vapuri u b’port modern, minn niċeċ ekonomiċi li jagħtuhom opportunitajiet ġodda ta’ xogħol ta’ kwalità, minn edukazzjoni dejjem aktar innovattiva fil-fergħa tal-Università ta’ Għawdex, fl-MCAST u l-ITS, fejn l-imprendituri ma jsibux ruħhom f’kobba burokratika u fuq kollox fejn l-Għawdxin isibu xogħol b’paga tajba fil-gżira tagħhom – sew jekk hux maċ-Ċivil, u sew jekk hux fil-privat.
Alex Borg qal li fl-aħħar ġimgħat mijiet ta’ Għawdxin spiċċaw jissejħu biex jinqdew fl-uffiċċji tal-Ministri Għawdxin, f’paniku lejliet elezzjoni, wara li dawn injorawhom għal snin sħaħ u issa jridu jixtru l-vot tagħhom billi jagħtuhom impjieg. Hu appella lil Robert Abela biex jibqa’ jmur Għawdex – mhux għall-kameras imma biex iwettaq il-lista sħiħa ta’ wegħdiet dwar Għawdex li mill-2022 baqgħu biss fuq il-manifest elettorali tal-Labour. Fost dawn il-Kap tal-PN semma ċ-ċentru ta’ eċċellenza għar-riċerka f’Għawdex, ix-xogħol fuq il-breakwater ta’ Marsalforn, ir-restawr tal-Batterija tal-Qolla l-Bajda, il-Park Naturali Reġjonali, li Għawdex isir l-ewwel parti tal-pajjiż li tkun climate-neutral, it-tlestija tal-Mużew għal Għawdex, il-faċilità għad-dilettanti tal-Karnival, il-multi-level parking f’Marsalforn u fuq kollox il-bini ta’ sptar ġenerali ġdid.
Il-Kap tal-PN qal li Gvern Nazzjonalista mhux biss iserraħ ras il-ħaddiema, l-intrapriżi ż-żgħar u s-self-employed dwar ix-xogħol, imma jagħti garanzija li jkun hemm għalihom kuljum, u mhux biss lejliet elezzjoni.
Il-Kap tal-PN fakkar kif Gvernijiet Nazzjonalisti f’25 sena għamlu ġid kbir f’Għawdex. Iżda kien hemm mumenti fejn il-Partit żbalja u għalhekk Alex Borg talab skuża lil dawk li l-PN seta’ weġġa’ jew nesa fl-imgħoddi, iżda appella li issa wasal iż-żmien biex nerġgħu nagħtu lill-pajjiż Gvern Nazzjonalista.
Alex Borg tkellem dwar il-futur ta’ pajjiżna. Huwa qal li bil-PN parti mill-akbar Partit fl-Ewropa, l-opportunitajiet għall-Maltin u l-Għawdxin huma kbar. Sostna li f’laqgħa fi Brussell ma’ waħda mill-akbar kumpanija fid-dinja, il-Google, tkellem magħhom dwar kif Gvern Nazzjonalista jista’ jressaqhom biex jinvestu f’Għawdex. Hu sostna li huwa jmur Brussell biex jaħdem għal pajjiżna, għax dik kienet id-deċiżjoni li ħa meta warrab il-karriera tiegħu biex iservi fil-politika.
“Kuntarju għal Robert Abela, jien dħalt fil-politika biex nagħti u mhux biex nieħu”, ikkonkluda Alex Borg, u filwaqt li rringrazzja lill dawk il-ħafna li qed jgħidulu li għall-ewwel darba se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, qal li umilment qiegħed jitlob lill-poplu Malti ċ-ċans li jbiddel il-pajjiż għal wieħed fejn kulħadd jista’ jgħix aħjar. “Magħna se jaħdem kulħadd”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll kif il-Belt Victoria se tkun qed iġġorr it-titlu ta’ Belt Ewropea tal-Kultura fl-2031 – ċertifikat ieħor tal-kisba li għamel il-PN għal pajjiżna meta sirna nazzjon Ewropew, u rringrazzja lis-Sindku Brian Azzopardi – li wkoll indirizza din l-attività, għall-ħidma li qed ikompli jagħmel għal din il-belt.
Alex Borg irringrazzja wkoll lil Edmond Cuschieri, avukat li qatt ma vvota lill-Partit Nazzjonalista u llum huwa approvat bħala kandidat tal-PN u li wkoll għamel id-diskors tiegħu fir-Rabat. Il-Kap tal-PN qal li bħal Edmond hawn ħafna li qed jerġgħu jaraw tama fil-politika Maltija. “Jien nilqagħkom b’idejja miftuħa biex flimkien inbiddlu dan il-pajjiż. Għaliex jien mhux qiegħed hawn għall-blu u l-aħmar. Jien qiegħed hawn għal Malta u għal Ghawdex”.
Fl-intervent tiegħu, is-Sindku tar-Rabat Għawdex Brian Azzopardi, fl-ewwel indirizz politiku pubbliku tiegħu, stqarr id-diqa tiegħu għall-mod kif hemm min qed jipprova jnessi, iħassar jew jipprova jikteb l-istorja tas-suċċessi Ii kiseb il-pajjiż taħt Gvernijiet Nazzjonalisti – kisbiet li għadna ngħixuhom u ngadwuhom ta’ kuljum. Dawn il-kisbiet huma ċertifikat li l-PN fil-Gvern iwettaq. Huwa elenka l-proġetti maġġuri li saru f’Għawdex li għadhom dawk imwettqa minn Gvern Nazzjonalista. Illum, qal is-Sindku tal-Belt Victoria, il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ joffri tama ta’ kwalità, eċċellenza u garanzija li l-bniedem ikun fiċ-ċentru – fejn l-ekonomija tkun għall-bniedem, mhux il-bniedem għall-ekonomija. Fejn koppji u żgħażagħ jgħixu ħajja denja, f’pajjiż mibni b’tant imħabba minn missirijietna. Huwa qal li dan hu l-mument li nerġgħu noħolmu u naslu, u huwa l-mument fejn kulħadd għandu b’kuraġġ jagħmel il-pass ’il quddiem għal pajjiżna.
Edmond Cuschieri, kandidat ġdid tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali, qal li din se tkun l-ewwel darba f’ħajtu li se jivvota lill-Partit Nazzjonalista wara li għal żmien twil sab ruħu politikament iltim. Dan wara li l-Partit Laburista li dejjem kien emmen fih, tilef ir-ruħ tiegħu. Hu qal li ma setax jibqa’ wara Partit li bejn dak li jgħid u dak li jagħmel, hemm baħar jaqsam. Il-Gvern Laburista spiċċa dejjem b’xi storja ġdida, Gvern li għamel straġi bl-isptarijiet, Gvern li qisu qed jilgħab musical chairs bid-deputati tiegħu wara kull skandlu, Gvern li meta toħroġ xi storja ġdida fuqu, minflok imur quddiem il-poplu u jitlob skuża, jippreżenta l-iskużi u jipprova jsammar lil min ikun kixef it-taħwid.
Edmond Cuschieri qal li wasal iż-żmien għall-bidla, u llum li sar jaf lil Alex Borg, jemmen bis-sħiħ li din il-bidla tista’ sseħħ. Hu qal li meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista talbu jikkontesta l-elezzjoni ġenerali ma setax jgħid le, u ried li jkun parti mill-bidla li jixraqlu pajjiżna. Huwa rringrazzja lill-Partit Nazzjonalista talli stiednu jkun parti minn din il-mixja u biex ikun ta’ servizz għall-pajjiż u appella biex ilkoll ningħaqdu għall-ġid tan-nazzjon kollu.
Wara weekend ta’ attivitajiet mill-PN f’Għawdex u anke f’Malta marbutin ma’ Jum il-Ħaddiem, issa jmiss li fl-Ewwel ta’ Mejju l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jindirizza Mass Rally li se jsir ħdejn it-Torri ta’ Ħal Lija.
26.04.2026







