L-inkompetenza tal-Labour fl-enerġija rinnovabbli jħallas għaliha l-poplu

L-inkompetenza tal-Labour fl-enerġija rinnovabbli jħallas għaliha l-poplu

Il-Partit Nazzjonalista jikxef kif Gvern Laburista ħela mas-6,600,000 unit ta’ enerġija nadifa; fil-gvern kienu aktar moħħhom biex jaqtgħu ż-żigarelli u jippużaw milli biex jaħdmu b’serjetà

Il-Partit Nazzjonalista jikxef kif Gvern Laburista ħela mas-6,600,000 unit ta’ enerġija nadifa; fil-gvern kienu aktar moħħhom biex jaqtgħu ż-żigarelli u jippużaw milli biex jaħdmu b’serjetà

Il-Partit Laburista ma fadallu l-ebda kredibbiltà fejn tidħol l-enerġija u l-enerġija rinnovabbli u llum se nurukom kif Gvern Laburista ħela mas-6,600,000 unit li suppost iġġenera permezz ta’ pannelli tax-xemx.

Il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, Rebekah Borg u Eve Borg Bonello indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet li matulha kixfu kif wara li Gvern Laburista nefaq il-mijiet tal-eluf fuq pannelli tax-xemx fuq numru ta’ skejjel f’Għawdex, dawn ġew abbandunati għal riħhom. Konsegwenza ta’ dan, minn mijiet ta’ pannelli spiċċaw intilfu mas-6,600, 000 unit ta’ dawl li setgħu ġew iġġenerati minn dawn il-pannelli.

Jidher li bejn pannelli li wara li ġew inawgurati qatt ma tqabbdu mal-grid u pannelli li żviluppaw problemi maż-żmien, dawn spiċċaw jipproduċu biss 27% tal-enerġija li kapaċi jiġġeneraw.

Din l-informazzjoni ħarġet minn mistqosija parlamentari li kien għamel id-deptutat Nazzjonalista Ryan Callus lil Clint Camilleri dwar pannelli li kienu installati fuq 13-il skola f’Għawdex. Il-Ministru kien ippreżenta ċifri għal din il-mistoqsija u dawn iċ-ċifri jikkonfermaw kif il-Labour fil-Gvern kien jieħu l-ewwel għall-pożi u l-qtugħ taż-żigarelli, imma fis-sustanza falla.

Ironikament, Robert Abela u Clint Camilleri kienu ħadu lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen fl-iskola tan-Nadur biex jippużaw quddiem il-kameras u jiftaħru bl-investiment li sar f’din l-iskola speċifikament fl-enerġija li tiġġedded. L-iskola tan-Nadur iġġenerat biss 18% tal-enerġija li kapaċi jiġġeneraw il-pannelli solari – telf ta’ 82% ta’ enerġija. L-iskejjel l-oħra tilfu bejn 60% u 92% tal-enerġija li setgħu jiġġeneraw, bl-iskola tal-Għarb u tax-Xagħra rnexxielhom jiġġeneraw biss 8% ta’ dak li kapaċi jiġġeneraw.

“Dan hu l-livell ta’ inkompetenza li kien hemm fit-tmexxija minn Gvern Laburista fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli. Dan huwa n-nuqqas ta’ kredibbiltà li għandu l-Labour li llum għandu l-wiċċ jitkellem dwar il-proposta tal-Partit Nazzjonalista ta’ investiment fl-enerġija rinnovabbli li se jnaqqas il-kontijet tan-nies b’medja ta’ 30%”.

Il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista qalu li mhux ta’ b’xejn li l-Labour tatu rasu meta ra l-proposti tal-PN fl-enerġija.

Huma taw garanzija li fejn Gvern Nazzjonalista jinvesti fl-enerġija rinnovabbli, dan se jkun qed jaħdem kif suppost, u n-nies se jkunu qed jiffrankaw.

“Il-Partit Nazzjonalista jrid jagħti politika serja fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli – politika responsabbli li se tagħi Nifs Ġdid fl-enerġija nadifa”.

Huma qalu li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista jixhdu d-differenza mill-Partit Laburista – b’Partit Nazzjonalista li se jinvesti bis-sħiħ fl-enerġija rinnovabbli u bis-saħħa ta’ hekk se jraħħas il-kontijiet tan-nies bi 30%.

Minbarra li din il-proposta se tħalli aktar flus fi bwiet in-nies, se tkun qed tiżgura titjib fl-ambjent u fl-arja. Gvern Laburista rnexxielu jpoġġi lil pajjiżna fl-aħħar post fl-Ewropa fl-użu tal-enerġija nadifa. Il-Gvern tal-‘Aqwa fl-Ewropa’ tefagħna fil-qiegħ tal-klassifika.

Il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista staqsew jekk dan hux l-aħjar li kapaċi jagħmel pajjiżna. Huma qalu li Gvern Nazzjonalista se jmexxi lil Malta ’l quddiem fl-enerġija nadifa.

“L-għażla hi quddiemna. Jew nibqgħu bi Gvern tal-PRs u l-pożi, jew nafdaw lill-Partit Nazzjonalista li għandu r-rieda politika li jagħti Nifs Ġdid lil pajjiżna”.

07.05.2026

Ara l-preżentezzjoni tal-PN dwar l-inkompetenza tal-Gvern Laburista fl-enerġija rinnovabbli hawn