Malta trid tkun lesta tinfluwenza d-deċiżjonijiet Ewropej mhux sempliċement tkun preżenti għalihom
News

Malta trid tkun lesta tinfluwenza d-deċiżjonijiet Ewropej mhux sempliċement tkun preżenti għalihom

Postna fl-Ewropa mhuwiex sempliċement li nkunu madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet, imma li ninfluewenzaw dawk id-deċiżjonijiet li jolqtuna direttament.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg jitlob strateġija ċara biex Malta tħares l-interessi tagħha fl-Unjoni Ewropea

Postna fl-Ewropa mhuwiex sempliċement li nkunu madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet, imma li ninfluewenzaw dawk id-deċiżjonijiet li jolqtuna direttament.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal dan fir-reazzjoni tiegħu għall-istqarrija ministerjali dwar il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’ Ottubru.

Alex Borg talab lill-Gvern jispjega l-istrateġija tiegħu għan-negozjati tal-budget Ewropew 2028–2034, biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Malta u Għawdex, fosthom il-konnettività u l-pressjoni fuq l-infrastruttura.

Saħaq fuq il-ħtieġa ta’ provvista tal-enerġija li nistgħu norbtu fuqha, investiment fl-enerġija nadifa u inqas burokrazija għan-negozji. Tenna wkoll it-talba tal-PN għal reviżjoni tas-sistema ETS, is-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Kwoti tal-Emissjonijietbiex jitnaqqsu l-piżijiet sproporzjonati fuq il-konnettività marittima u l-portijiet Maltin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Partit Popolari Ewropew laqa’ l-proposta tiegħu biex tissaħħaħ ir-referenza għall-Mediterran.

Huwa qal li Malta m’għandhiex sempliċement tkun preżenti fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet Ewropej, iżda trid tkun ippreparata biex tinfluwenzahom, tiddefendi l-interessi tagħha u tiżgura li l-benefiċċji tal-kooperazzjoni Ewropea jaslu għand in-nies, għax is-suċċess tal-politika Ewropea jitkejjel bir-riżultatii, b’kemm noħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna, u kemm kapaċi nipproteġu protezzjoni lill-familji u l-kompetittività tan-negozji tagħna.

Hu appella għal solidarjetà Ewropea effettiva dwar l-immigrazzjoni, għar-rispett tad-drittijiet fundamentali u għall-ħarsien tan-newtralità kostituzzjonali ta’ Malta.

19.10.2026