FAQs – Elezzjoni Ġenerali f’Malta
Min għandu d-dritt jivvota fl-Elezzjoni Ġenerali?
Ċittadini Maltin kollha li għandhom 16 -il sena u aktar għandhom id-dritt tal-vot kemm-il darba n-numru tal-karta tal-identità tagħhom ikun reġistrat fir-Reġistru Elettorali. Ikklikja hawn biex tiċċekja jekk intix eliġibli biex tivvota.
Meta u fejn se nirċievi d-dokument tal-vot?
Id-distribuzzjoni ssir fi tlett stadji:
• l-ewwel issir distribuzzjoni fid-djar, skont l-indirizz li jidher fuq l-Karta tal-Identità.
• Imbagħad ikun possibli li tiġbor id-dokument tal-vot mill-Għassa tal-Pulizija jew mill-Kunsill Lokali tal-belt jew raħal fejn inti reġistrat biex tivvota.
• U fl-aħħar jiem ikun possibli tiġbor id-dokument tal-vot mill-Uffiċċji Elettorali fin-Naxxar jew ir-Rabat, Għawdex.
Kemm se nirċievi dokumenti tal-vot?
Dokument wieħed biss.
X’għandi nieħu miegħi meta mmur nivvota?
Id-dokument tal-vot (obbligatorju) u l-Karta tal-Identità (rakkomandata).
Fejn nivvota?
Fil-post indikat fuq id-dokument tal-vot tiegħek. Fuq din il-website tista’ tiċċekja intix eleġibbli biex tivvota u wkoll f’liema distrett tivvota.
Meta ssir il-votazzjoni?
Il-ġurnata tal-elezzjoni hija s-Sibt 30 ta’ Mejju, u l-ħinijiet tal-votazzjoni normalment huma bejn is-7:00am u l-10:00pm.
Nista’ nivvota qabel?
Iva, jekk se ssiefer jew tkun l-isptar. Ikkuntatjana fuq 25965501 għal aktar dettalji.
Nista’ nivvota online jew bil-posta?
Le. Trid tivvota inti personalment fil-post tal-votazzjoni assenjat lilek.
Kif nivvota?
Poġġi numri (1,2,3…) ħdejn il-kandidati skont il-preferenza tiegħek. Inħeġġuk li tpoġġi l-1 fuq il-kandidat/a favurit/a tiegħek tal-PN għax dak huwa l-unika mod li teliġi l-PN fil-gvern.
X’jiġri jekk nitlef id-dokument tal-vot?
Tista’ tapplika għal dokument tal-vot ġdid mill-Uffiċċju Elettorali. Ikkuntatjana fuq 25965501 għal aktar dettalji.
Sa meta nista’ napplika għal dokument ġdid tal-vot?
Applikazzjoni għal dokument ġdid tal-vot tista’ ssir sa’ filgħaxija tal-Ħamis 28 ta’ Mejju. Ikkuntatjana fuq 25965501 għal aktar dettalji.
Jien ma ngħix Malta imma għandi dritt tal-vot. Kif nista’ niġi nivvota?
Il-KM Malta Airlines toffri vjaġġi minn u lejn l-ajruporti li fiha topera għall-prezz ta’ €90 bir-ritorn. Ċempel fuq 21418118 mit-Tnejn sal-Hadd mit-8am sat-8pm ta’ filghaxija. Għall-għajnuna fuq titjiriet, ibgħatilna email fuq [email protected]
Hemm servizz ta’ trasport biex immur nivvota?
Iva. Jekk għandek bżonn trasport u xi għajnuna speċjali bħal siġġu tar-roti, ikkuntatjana fuq 25965501 jew ibgħatilna email fuq [email protected] ħalli nkunu nistgħu ngħinuk.
Sa meta rrid nagħlaq 16 -il sena biex ikolli dritt għall-vot?
Trid tkun għalaqt 16 -il sena sal-Ġimgħa, 29 ta’ Mejju, 2026.
Kif nista’ nikkonferma jekk għandix dritt għall-vot?
Tista’ tiċċekkja dan fuq din il-link (https://pn.org.mt/vote-pn/) jew billi tikkuntattjana fuq 25965501
Dawk li huma residenti ġod-djar tax-xjuħ, fejn u meta jivvutaw?
Dawk id-djar li għandom ‘il fuq minn 50 resident, jivvutaw nhar is-Sibt 23 ta’ Mejju ġod-dar stess. L-oħrajn jivvutaw fit-30 ta’ Mejju.
Ir-residenti tad-djar tax-xjuħ minn fejn jistgħu jiġbru d-dokument tal-vot?
Dawk l-individwi li huma mniżżlin bħala residenti fid-djar ta-xjuħ, jirċievu d-dokument tal-vot tagħhom fid-dar stess. F’każ ta’ diffikulta, ikkuntatjana fuq 25965501.