Fl-isfidi li jkellmuni dwarhom in-nies, nara opportunità biex naħdmu għall-Malta li rridu
AĦBAR

Fl-isfidi li jkellmuni dwarhom in-nies, nara opportunità biex naħdmu għall-Malta li rridu

  • Fil-Mellieħa l-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li l-Partit Nazzjonalista lest imexxi lil Malta ’l Quddiem; din il-ġimgħa rajna Prim Ministru li jkompli jpoġġi l-interessi tiegħu qabel dawk tan-nies

  • Ftit wara li lbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni offra soluzzjoni dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef, Robert Abela f’paniku qal li se jressaq liġi ta’ anti-deadlock quddiem il-Parlament

  • Alex Borg ifakkar li anke għal mekkaniżmu bħal dan irid ikun hemm il-kunsens taż-żewġ terzi; iwissi lill-PM biex ma jaħsibx li se jmur il-Parlament b’liġi lesta u bla diskussjoni mal-Oppożizzjoni

L-isfidi li jkellmuni dwarhom ta’ kuljum in-nies mhux talli ma jaqtgħulix qalbi, talli fihom nara opportunità biex naħdmu għall-Malta li rridu, Malta li tgħix sew fiha.

Waqt attività mis-sensiela Qrib Tagħkom, din id-darba fil-Mellieħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li huwa trabba fil-politika tal-kuntatt man-nies ta’ kuljum u mhux ta’ lejlet l-elezzjoni. Alex Borg qal li din kienet wegħda tiegħu sa mill-bidu u din il-wegħda qed iwettaqha ta’ kuljum għaliex mill-kuntatt man-nies jara wkoll opportunità li jfassal politika li tkabbar lil Malta u li teħodha ’l quddiem. Huwa rrefera għall-Konvenzjoni Nazzjonali tal-ġimgħa li għaddiet li kompliet tati vuċi lill-poplu – fejn Malta tkellmet, fejn in-nies tkellmu u l-Partit Nazzjonalista sema’.

Hekk, qal Alex Borg, issir il-politika min-nies għan-nies, billi nifhmu dak li jridu n-nies u nkomplu nibnu fuq li sar u nkomplu mmexxu lil Malta ‘l quddiem. Alex Borg saħaq fuq il-bżonn ta’ politika li verament tagħti liż-żgħażagħ, lill-anzjani, lill-ħaddiema, lin-negozjanti u lill-familji, Malta li tgħix sew fiha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din ma kinitx la l-bidu u lanqas it-tmiem. Din il-konvenzjoni bniet fuq dak li diġà kien hemm, u trid tkun pedament biex inkomplu nibnu fuqu.

Fid-diskors tiegħu, Alex Borg qal li fil-preżentazzjoni tal-viżjoni għal Malta għall-2050 mill-Gvern, fil-qasam tat-trasport tal-massa l-Gvern kiteb biss li din għad trid tiġi mħabbra. II-Kap tal-Partit Nazzojnalista qal li minkejja li l-Gvern nefaq il-miljuni biex għamel propaganda sħiħa minn flus il-poplu, ma kienx kapaċi jagħti d-dettalji bażiċi għal proġett tat-trasport tal-massa. Hu fakkar fil-wegħda li għamel li Gvern Nazzjonalista fl-ewwel mitt jum tiegħu jibda jaħdem fuq proġett tat-trasport tal-massa modern u effiċjenti għax huwa ppreparat biex imexxi mill-ewwel jum.

Alex Borg irrefera wkoll għas-sitwazzjoni internazzjonali u qal li bħala pajjiż rridu nagħmlu l-parti tagħna biex ma narawx iktar qtil ta’ nies innoċenti. Filwaqt li qal li rridu nirrispettaw in-newtralità ta’ pajjiżna, hu sostna li ma rridux nibqgħu gallarija, imma rridu nkunu wkoll parteċipi biex flimkien mal-kumplament tal-Ewropa nħarsu l-paċi fid-dinja.

Mistoqsi x’inhuma l-konsegwenzi ta’ dak li ħareġ mill-ittra ġuramentata tal-Imħallef Wenzu Mintoff li għamel akkużi serji fuq Robert Abela, Alex Borg qal li akkużi bħal dawk li saru fuq il-Prim Ministru jkomplu jnaqqsu l-fiduċja fil-politika.

Alex Borg spjega kif Robert Abela mill-bidu nett wera kif il-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid kien se jagħmel minnha ballun politika – l-ewwel billi kaxkar saqajh biex beda l-konsultazzjoni, imbagħad meta pprova jimponi isem li ried hu minkejja li bħala Kap tal-Oppożizzjoni mill-ewwel urieh li l-għażla tiegħu ma kienx se jkollha l-kunsens taż-żewġ terzi, u mbagħad meta minkejja li bħala Kap tal-Oppożizzjoni kien tah erba’ ismijiet ta’ mħallfin oħra, Robert Abela rema dawn l-ismijiet mingħajr biss ikkunsidrahom u mingħajr ma ta raġuni valida għal dan.

Alex Borg qal li f’din il-kwistjoni tant delikata huwa għażel il-politika tad-diskrezzjoni, tar-rispett u tal-maturità għax dejjem ra l-interess tal-poplu u tan-nazzjon. Huwa sostna li kien propju għalhekk li lbieraħ ħabbar li jrid li jkun hemm mekkaniżmu ta’ anti-deadlock biex żgur ikun imħares l-interess tal-poplu. Alex Borg qal li ftit minuti wara li ħabbar hekk, Robert Abela, fi stat ta’ paniku, qal li kien se jmur il-Parlament biex iressaq liġi ta’ anti-deadlock. Imma qal li anke f’din Robert Abela ħaseb li se jmur il-Parlament b’liġi lesta, u bla diskussjoni mal-Oppożizzjoni, biex jerġa’ jipprova jara kif se tgħaddi tiegħu.  Alex Borg fakkar lill-Prim Ministru li anke għal mekkaniżmu ta’ anti deadlock irid ikun hemm il-kunsens taż-żewġ terzi biex ikun żgurat li l-kostituzzjoni tħares l-ewwel u qabel kollox l-interessi tan-nazzjon.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li minkejja li estenda kemm-il darba l-id tal-ħbiberija lil Robert Abela, kull darba Abela għażel li jkun supperv u jmexxi għal rasu u għall-interessi tiegħu. Din, qal Alex Borg, hija d-differenza bejn iż-żewġ partiti.

Indirizza wkoll din l-attività l-Whip u Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar li laqa’ minn qalbu lil Alex Borg fil-Mellieħa u wiegħdu li l-Mellieħa se tkun ta’ spalla għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Fid-diskors tiegħu, Robert Cutajar – li minbarra li serva fil-Parlament Malti għal numru ta’ snin, kien serva wkoll bħala Sindku tal-Mellieħa – ħabbar li wara li fil-jiem li għaddew tkellem ma’ Alex Borg u mat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, huwa ddeċieda li ma jikkontestax l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Huwa rringrazzja lil Alex Borg u lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li wrew il-fiduċja sħiħa tagħhom fih sal-aħħar u wiegħed li se jkompli jkun ta’ sostenn kemm lill-Kap tal-Partit kif ukoll lill-Partit Nazzjonalista biex jara lil dan il-pajjiż immexxi mill-gvern li jixraqlu.

Robert Cutajar irringrazzja wkoll lill-Melliħin li għal dawn is-snin kollha tawh is-sostenn u l-fiduċja tagħhom kif ukoll lir-residenti tan-Naxxar u ta’ San Pawl il-Baħar għall-istess fiduċja u esprima s-sodisfazzjon li llum f’dawn it-tliet lokalitajiet hemm Sindki Nazzjonalisti. Huwa temm b’ringrazzjament lill-familja tiegħu u lil dawk kollha li kienu ta’ spalla għalih tul il-mixja politika tiegħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil Robert Cutajar tal-ħidma tiegħu għall-Mellieħa u għal pajjiżna u awguralu għall-ġejjieni.

Intervent ieħor kien dak ta’ George Vital Zammit, li huwa responsabbli mill-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista, li beda billi wkoll irringrazzja lil Robert Cutajar għas-servizz li ta tul l-aħħar snin u faħħar il-lealtà u l-ħidma tiegħu għall-Partit u għall-pajjiż.

George Vital Zammit qal li fil-ħidma tiegħu fuq il-programm elettorali, il-Partit Nazzjonalista qed jagħtih il-libertà sħiħa biex jaħdem fl-aħjar interess tal-pajjiż. Huwa wkoll irrefera għall-Konvenzjoni Nazzjonali tal-ġimgħa li għaddiet li tat l-ispazju lil kull min ried jitkellem u li ttrattat temi importanti bħall-edukazzjoni, il-komunitajiet tagħna u ħafna aktar – temi li lkoll imissu r-realtajiet tan-nies.

Huwa qal li hemm żewġ affarijiet li importanti li l-Partit Nazzjonalista jħaddan – iċ-ċarezza u l-kuraġġ. Iċ-ċarezza man-nies anke fl-affarijiet diffiċli u l-kuraġġ li nħarsu lejn l-isfidi li għandna quddiemna. George Vital Zammit qal li ma nistgħux nieqfu naħdmu għal futur aħjar u rridu nibqgħu ffukati fuq dan. Huwa sostna li lkoll flimkien immexxija minn Alex Borg, bħala poplu jista’ jkollna gvern li verament iħares lejn l-interessi ta’ pajjiżna.

01.03.2026