Flimkien man-nies il-Partit Nazzjonalista qed jinseġ il-politika għal ħajja aħjar għal kulħadd
Gvern ġdid Nazzjonalista jippjana u jinvesti b’viżjoni olistika għal tkabbir sostenibbli u ġust; jattwa politika differenti minn dik ta’ ‘lil min taf’
Il-politika ma nivvintawhiex f’xi kamra moħbija min-nies. Il-politika ninsġuha man-nies, fit-toroq, fil-pjazez mall-ħassieba, mal-esperti, ma’ min qed jiġi effettwat minn dak kollu li għaddej minnu pajjizna.
Wasal iż-żmien li din Malta tagħżel dak li huwa aħjar, dak li huwa sewwa. Dak li jista’ jrendi llum, imma li jħalli l-frott għal għada wkoll.
Waqt id-diskors tiegħu fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-PN bit-tema Malta Żagħżugħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li l-politika għandha tkun għodda għas-sewwa.
Hu qal li l-Partit Nazzjonlista hu ffukat fuq ħidma li se twassal kiex kulħadd igawdi minn kwalità ta’ ħajja aħjar.
B’kuraġġ, Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun lest u kapaċi li jindirizza l-problemi li għandu bħalissa l-pajjiż, u se jwettaq Malta Żagħżugħa b’saħħitha u b’opportunitajiet għal kulħadd.
Biex jasal għal dan, se jħaddem mudell li jiffoka fuq diversi binarji.
Se jkun qed jiffoka fuq enerġija ġdida sostenibbli li tikkultiva setturi b’valur miżjud, bħat-teknoloġija u x-xjenza, fejn l-impjiegi ma jrendux biss paga imma sodisfazzjon u esperjenza li timmatura lill-persuna fil-karriera tagħha.
Se jkun hemm enfażi fuq saħħa aċċessibbli u moderna għal kulħadd, fejn permezz ta’ sistema msaħħa u bi sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat, kulħadd igawdi minn servizz effiċjenti.
Se jaħdem għal sistema edukattiva orjentata lejn il-ġejjieni, b’fokus fuq ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni.
Se jaħdem favur turiżmu sostenibbli li jippromwovi l-kultura u n-natura tagħna permezz ta’ mudell li jsaħħaħ lil pajjiżna bħala destinazzjoni li tippromwovi l-wirt kulturali u li tifrex it-turiżmu aħjar fuq is-sena kollha.
Fuq kollox se jara li l-kwalità tal-ħajja u s-sostenn għall-familji jitjiebu. Malta Żagħżugħa hi Malta fejn tħossok sigur, fejn il-liġijiet huma rispettati, fejn is-servizzi għandhom ir-riżorsi kollha biex jaħdmu kif suppost, biex iċ-ċittadini kollha jkunu moqdija kif jixirqilhom.
Gvern ġdid Nazzjonalista se jaħdem għal ambjent sostenibbli għal futur nadif u sigur. Malta Żagħżugħa trid tħares ’il quddiem lejn ambjent ferm aħjar fuq kuill livell. U se jibqa’ jinsisti li l-ambjent jitniżżel fil-kostituzzjoni bħala dritt fundatmentali ta’ kull Malti, anke jekk dan il-Gvern baqa’ jkaxkar saqajh biex jiżgura li dan isir.
Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel politika differenti minn ħaddieħor.
Hu sostna li n-nies huma mweġġgħa meta jaraw dak li qed jiġri f’pajjiżna.
Filwaqt li l-ħaddiema tagħna jridu jbatu biex jaqilgħu l-għajxien ta’ kuljum tagħhom, il-Ministri Laburisti jikkonfoffaw bejniethom biex jagħtu paga ta’ €70,000 lis-sieħba tal-Ministru.
Din hi tliet darbiet il-paga medja ta’ għalliem, aktar minn tliet darbiet il-paga medja ta’ LSE, darbtejn jew aktar ta’ kemm taqla’ infermiera, u ħafna aktar milli jaqilgħu l-pulizija.
Hija medja ta’ ħames darbiet aktar milli jaqla’ l-ħaddiem li jbati kuljum, u Robert Abela jħalli li dawn jagħtuha lil persuna għax hi l-mara tal ministru mingħajr ma tmur għax-xoghol u mingħajr ma hi kwalifikata.
Jekk f’wiċċ din il-frodi sfaċċata minn flus il-poplu, għal Robert Abela sempliċi sorry hi biżżejjed, allura l-Prim Ministru hu kompliċi f’din il-frodi.
Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel politika differenti minn din. Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem emmnu fil-kapaċitajiet tal-poplu, tal-individwi, u dejjem emmnu fil-politika ta’ x’taf u mhux lil min taf.
Bernard Grech qal li pajjiżna jinsab f’salib it-toroq. Il-poplu għatxan għal Malta Żagħżugħa li, bil-kontribut ta’ kulħadd, nistgħu nibdew ingawdu minnha taħt Gvern Nazzjonalista ġdid. Hu appella biex kulħadd jaħdem flimkien għal pajjiż li jixraq lil kulħadd, għal Malta Żagħżugħa.
Irridu Malta Żagħżugħa li ma tibżax mill-futur
– il-kelliema li indirizzaw il-Kunsill Ġenerali tal-PN
Tul l-aħħar sessjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali Malta Żagħżugħa saru wkoll interventi minn numru ta’ kelliema professjonisti.
Alexei Dingli, l-eks Sindku tal-Belt Valletta u Professur tal-Intelliġenza Artificjali fl-Università ta’ Malta, qal li pajjiżna jinsab f’salib it-toroq u l għażliet li se nagħmlu llum se jbiddlu l-futur tagħna. Huwa saħaq li wasalna f’punt ta’ bidla fejn għandna bżonn kuraġġ.
Alexei Dingli qal li rridu nħaddnu l-Intelliġenza Artifiċjali bħala triq għall-futur u tkellem dwar l-isfidi fl-edukazzjoni biex nilħqu dan l-għan u fuq il-ħtieġa li naġġornaw is-sistema edukattiva sabiex din ma tkunx ibbażata fuq il-ħiliet tal-bieraħ imma fuq il-bżonnijiet ta’ għada.
Andrew Azzopardi, Professur fl-Università ta’ Malta u xandar, qal li l-ambizzjoni tal-politiċi m’għandhiex tkun li tisloħ, li terda’ u li tħawwad. Saħaq li anke jekk pajjiżna għandu ħafna sabiħ u tajjeb, irridu nibqgħu saqajna mal-art u ma ninjorawx kemm għandna nies qed ibatu minn ansjetà u stress. Fakkar li llum għandna aktar minn 100,000 ruħ f’riskju ta’ faqar u aktar minn 1,000 persuna li ta’ kuljum imorru għand l-NGOs biex jieklu.
Filwaqt li saħaq li m’għanda l-ebda settur li qed jaħdem f’pajjiżna, huwa appella biex in-nies ma jobdux il-ħażin, biex ma jibżgħux ikunu kontroversjali u biex jisfidaw l-istatus quo.
Paul Bonello, osservatur politiku, ta ħarsa lura u tkellem dwar il-mixja tal-pajjiż matul is-snin. Huwa qal li llum daħlet il-mentalità ta’ korruzzjoni bi dritt bl-abbuż jinfirex fuq kull livell. Saħaq li llum insejna l-wegħdiet tal-meritokrazija, trasparenza u kontabilità u pajjiżna spiċċa fgat fil-korruzzjoni waqt li l-massa tal-ħaddiema jibqgħu jissieltu mar-realtajiet tal-ħajja. Fakkar li gvernijiet b’saħħithom fid-dinja dejjem sfaxxaw meta tnawret id-demokrazija u llum il-poplu qed jinduna bit-tradiment li qed iseħħ.
“L-akbar tradiment tal-Labour illum huwa t-tradiment propju lejn l-għeruq tal-Partit Laburista” qal Bonello.
Dylan Seychell, Lettur tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Università ta’ Malta, qal li meta ż-żgħażagħ u t-tfal ma jibqgħux fiċ-ċentru tal-politika, il-pajjiż jibda jmut. Huwa qal li ried jagħmel kuraġġ lill-politikanti ta’ rieda tajba u l-poplu għandu jagħtihom il-kuraġġ li jattwaw politika tajba. Seychell qal li hu ta’ weġgħa li tant żgħażagħ iridu jitilqu minn Malta.
“Iż-żgħażagħ iridu pajjiż li ma jibżax mill-futur” qal Seychell, li sostna li hemm bżonn kuraġġ politiku anke biex tkun aġġornata s-sistema edukattiva f’Malta.
Marisa Xuereb, eks President tal-Kamra tal-Kummerċ, qalet li waħda mill-problemi li għandna hi li l-persuni validi qed jitilfu l-kredibilità u l-fiduċja li l-politiċi jistgħu jsolvu l-problemi tal-pajjiż.
Xureb qalet li llum hemm ħafna diskors fuq viżjoni madankollu dan il-kliem mhux idoqq għal widnejn il-maġġoranza tan-nies li qed iħossu li l-pajjiż mhux għaddej fid-direzzjoni t-tajba. Hija sosniet li jrid ikun hemm diskussjoni serja dwar fejn qiegħed il-pajjiż imsejsa fuq it-trasparenza tal-informazzjoni li tingħata. Xuereb enfassizzat fuq il-ħtieġa li nkunu ċari fil-messaġġ tagħna li ma nistgħux ninnegozjaw fuq l integrità u s-serjetà u li ma nibżgħux nieħdu deċiżjonijiet kuraġġjużi.
George Vital Zammit, akkademiku u lettur fl-Università ta’ Malta, u l-awtur tal-programm elettorali tal-PN, qal li mtela bil-kuraġġ wara r-rispons li kien hemm min-nies li ntalbu jagħtu l-proposti tagħhom għall-programm elettorali tal-PN.
Vital Zammit qal li qed jara imħabba kbira lejn pajjiżna xprunata mhux biss mill-interess ta’ kif taqla’ lira imma pajjiż fejn taspira li tgħix u għalhekk ‘Malta Żagħżugħa’.
Sostna li ‘Malta Żagħżugħa’ hu mod ta’ ħsieb – li nħarsu ’l quddiem u noħolmu kif nixtiequ naraw lil pajjiżna, li nittamaw li għada jkun aħjar mil-lum. Huwa saħaq li, biex Malta timtela kuraġġ, irridu nuru li lesti nieħdu d deċiżjonijiet, li nkunu l-leħen tal-eluf li ma vvutawx u dawk li ma għandhomx vot.
Vital Zammit indirizza lill-għalliema u qalilhom li ma hu se nħallu lil ħadd li jeħdilhom il-vuċi u li lesti nkunu l-vuċi tagħhom sabiex ikunu l-katalisti tal-bidla meħtieġa f’Malta.
Waqt is-sessjoni, indirizzaw ukoll il-plenarja, il-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino.
Mark Anthony Sammut, il-President tal-Kunsill Ġenerali, qal li kull paġna ġdida ta’ Malta Żagħżugħa kitibha l-PN. Qal li Malta Żagħżugħa hija pajjiż fejn il-liġi tkun l-istess għal kulħadd, fejn jgħodd x’taf u mhux lil min taf.
Huwa qal li meta pajjiżna sar membru tal-Unjoni Ewropea konna ħsibna li wasalna, madankollu kien għadu bogħod milli jsir verament Ewropew fir-ruħ, fil-ħsieb u fl-ispirtu.
“Irridu niktbu din il paġna ġdida għal Malta Żagħżugħa” qal Sammut, u dan ifisser mhux biss li nbiddlu l-Gvern imma li nibdlu l-kultura ta’ kollox jgħaddi u li xejn mhu xejn.
Sostna li wasal iż-żmien li naqilbu l-paġna u Malta titmexxa minn Gvern ġdid Nazzjonalista.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, fir-replika tiegħu għall-interventi kollha li saru waqt il-Kunsill Ġenerali, permezz ta’ diskors qasir li fih ġabar dak kollu li ntqal waqt l-assemblej u s-seduti plenarji tal-Kunsill Ġenerali, qal li dak kollu li ntqal waqt dawn is-sessjonijiet saħħu fil-ħsieb li din hi Malta li rridu għall-poplu Malti.
Hu qal li l-Partit Nazzjonalista ma jibżax mill-isfidi u qal li hu kruċjali li ssir diskussjoni nazzjonali dwar il-popolazzjoni biex nifhmu aħjar fejn sejrin.
Michael Piccinino qal li l-Gvern Laburista li ġab fuq pajjiżna l-problemi tal-lum, u li qed jaħli l-enerġija tiegħu jaħbi l-iskandli tal-Ministri tiegħu, ma jistax jiffoka dwar kif se jgħin lin-nies fl-isfidi tagħhom.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li huma ħafna li jridu l-bidla u din il-bidla trid titfassal bl-għajnuna ta’ kulħadd.
10.11.2024