Għawdex għandu l-potenzjal li jkun post fejn iż-żgħażagħ jistgħu jibnu l-karriera tagħhom, in-negozju u l-familja
Alex Borg qal li dawn it-tliet kumpaniji juru kif id-determinazzjoni, l-impenn u l-kuraġġ tal-ħaddiem Għawdxi jistgħu jissarrfu f’suċċess, f’opportunitajiet ta’ xogħol u ta’ tkabbir ekonomiku għal Għawdex u għall-Għawdxin.
Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur Casa Giuseppe, Customize Nation u Magro Brothers f’ġurnata ta’ laqgħat mal-anzjani, ħaddiema, imprendituri u bdiewa Għawdxin
Għawdex għandu t-talent, l-intrapriża u nies li lesti jinvestu. Dak li jeħtieġ huwa politika li tifhem ir-realtajiet partikolari ta’ gżira u toħloq il-kundizzjonijiet biex in-negozji jikbru, jinħolqu karrieri ta’ kwalità u l-familji Għawdxin ikollhom futur f’Għawdex stess.
Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta llum, f’ġurnata fost l-Għawdxin, żar tliet negozji Għawdxin li jirrappreżentaw setturi differenti tal-ekonomija u tas-soċjetà Għawdxija: ir-residenza għall-anzjani Casa Giuseppe, il-kumpanija li tipproduċi prodotti custom-made Customize Nation u Magro Brothers – kumpanija stabbilita magħrufa għall-prodotti bnini u artiġjanali tagħha.
Alex Borg qal li Għawdex m’għandux jitqies biss bħala destinazzjoni jew estensjoni ta’ Malta, iżda bħala post fejn persuna tista’ tibni negozju, tiżviluppa karriera, trabbi familja u tixjieħ b’dinjità.
F’Casa Giuseppe, residenza ġdida għall-anzjani fiċ-ċentru tal-Belt Victoria, Alex Borg iltaqa’ mar-residenti u mal-ħaddiema u tkellem dwar il-ħtieġa ta’ kura ta’ kwalità li tpoġġi d-dinjità tal-anzjani fiċ-ċentru tagħha. Hu sostna li l-investiment fil-kura tal-anzjani huwa wkoll investiment fil-familji, għax jagħtihom serħan il-moħħ u jippermetti lill-anzjani jibqgħu qrib il-komunità tagħhom.
Waqt iż-żjara lill-kumpanija Customize Nation fix-Xewkija, Alex Borg faħħar s-sens ta’ intrapriża u kreattività ta’ negozju Għawdxi li jiddisinja u jipproduċi l-prodotti tiegħu f’Għawdex filwaqt li jaqdi klijenti fiż-żewġ gżejjer. Hu qal li negozji żgħar bħal dawn m’għandhomx bżonn biss kliem sabiħ, iżda kompetizzjoni ġusta, infrastruttura affidabbli, aċċess għal ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati u aktar fiduċja biex ikomplu jinvestu.
Il-Kap tal-PN żar ukoll il-fabbrika ta’ Magro Brothers u l-għelieqi fejn jitkabbar it-tadam li jintuża fil-produzzjoni tal-kumpanija. Hu ltaqa’ mal-ħaddiema u mal-bdiewa u tkellem dwar l-importanza tal-manifattura, l-esportazzjoni, l-agrikoltura lokali u s-sigurtà tal-ikel.
Alex Borg iddesrkiva lil Magro Brothers bħala eżempju ta’ dak li jista’ jikseb Għawdex meta t-tradizzjoni tingħaqad mal-investiment, l-innovazzjoni u s-swieq internazzjonali. Hu sostna li pajjiż li jitlef il-kapaċità li jipproduċi jsir aktar dipendenti u għalhekk Malta għandha tapprezza u ssostni lill-kumpaniji li jimmanifatturaw, jesportaw u joħolqu rabta diretta mal-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin.


Alex Borg qal li dawn it-tliet kumpaniji juru kif id-determinazzjoni, l-impenn u l-kuraġġ tal-ħaddiem Għawdxi jistgħu jissarrfu f’suċċess, f’opportunitajiet ta’ xogħol u ta’ tkabbir ekonomiku għal Għawdex u għall-Għawdxin.
“Bħala Għawdxi, ma rridx li Għawdex ikun post li minnu ż-żgħażagħ ikollhom jitilqu biex jirnexxu. Irridu jkun post fejn jistgħu jibnu karriera, negozju u familja. L-Għawdxin ma jitolbux trattament speċjali, iżda l-kundizzjonijiet ġusti biex it-talent, il-ħidma u l-investiment tagħhom ikunu jistgħu jirnexxu,” temm jgħid Alex Borg.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista għal dawn iż-żjarat kien hemm id-Deputati Għawdxin tal-PN Beppe Galea u Norma Camilleri.
07.08.2026











