Gvern ġdid Nazzjonalista jħallilek aktar flus fil-but
B’għaqal u determinazzjoni u bi pjan innaqqsu t-taxxi; tnaqqis fit-taxxi għal kulħadd – ħaddiema, ġenituri, pensjonanti u romol jibqgħalhom aktar flus; tax credits għas-self-employed u negozji żgħar
Aħna determinati li naraw li aktar nies ikollhom aktar flus fil-but. Irridu li nippremjaw il-ħidma tal-Maltin, il-bżulija, l-għaqal, it-trobbija tat-tfal u nindirizzaw il-bżonnijiet tal-anzjani. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista fassal pjan ta’ tnaqqis fl-income tax għas-self-employed, għal min iħaddem, il-ħaddiema, l-anzjani, il-ġenituri, il-pensjonanti u r-romol.
Waqt djalogu fil-qalba taż-Żejtun, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech elenka għadd ta’ miżuri marbutin mat-taxxa li għandhom l-għan li jħallu aktar flus fil-bwiet ta’ kulħadd.
Bernard Grech ressaq miżuri konkreti ta’ tnaqqis fit-taxxa li minnhom se jgawdi kulħadd: is-self-employed, min inħaddem, il-ħaddiema, l-anzjani, il-ġenituri, il-pensjonanti u r-romol:
- Li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, il-COLA, ma tibqax tiġi intaxxata
- Li titnaqqas l-income tax għal kull min iħallasha
- Li jingħataw tax credits lis-self-employed u lis-settur privat biex jagħmlu tajjeb għall-COLA
- Li tonqos il-parent rate għall-ġenituri biex il-ġenituri jħallsu anqas income tax u b’hekk igawdu wkoll l-ulied
- Li tiġi applikata r-rata preferenzjali ta’ taxxa għall-ġenituri sakemm it-tfal idumu jistudjaw, indipendentement mill-età tat-tfal. B’hekk il-ġenituri jħallsu inqas taxxa waqt li t-tfal ikunu qed jistudjaw u l-capping tal-età jitneħħa biex jiżdiedu s-snin li matulhom iħallsu inqas income tax
- Li tingħata allowance ġdida lill-ġenituri li ma jħallsux taxxa, fosthom dawk li jgħixu bil-pensjoni tar-romol jew li ma jaħdmux biex b’hekk ladarba ma jgawdux minn tnaqqis fl-income tax ikollhom allowance ġdida
- Li tingħata allowance ġdida għall-pensjonanti li ma jħallsux taxxa
Tul id-djalogu saru wkoll interventi minn Martina Caruana li kienet għamlet l-ewwel passi fil-politika erba’ snin ilu proprju meta Bernard Grech laħaq Kap tal-PN, u mill-konsulent finanzjarju Matthew Bonello, li ddiskutew id-determinazzjoni fit-tmexxija politika u d-determinazzjoni ta’ poplu li jixtieq jimxi ’l quddiem.
Bernard Grech qal li d-determinazzjoni kienet dejjem kwalità li ddistingwiet lill-Partit Nazzjonalista kull meta kien qed imexxi l-pajjiż u hekk se terġa’ tkun. Permezz ta’ grupp parlamentari li fih il-kwalitajiet diversi ta’ kull membru, u permezz ta’ pjan ċar u b’kuraġġ, permezz ta’ mudell ekonomiku u soċjali ġdid u bi miżuri konkreti, Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti nifs ġdid lil Malta u lill-Maltin.
Hu fakkar fil-kisbiet li saru fl-aħħar erba’ snin, u kif waqt li l-Labour jinsab mifrud bi Prim Ministru li qed ikollu jċedi għall-pressjoni li qed jagħmlu fuqu sħabu, il-Partit Nazzjonalista wassal biex il-Gvern ibiddel il-pożizzjoni tiegħu fost l-oħrajn fil-każ ta’ Jean Paul Sofia, tal-abort, u tal-importazzjoni tal-ħaddiema barranin waqt li għamel diversi rebħiet għall-poplu bħal fil-każ tal-isptarijiet u l-ġlieda għall-400 miljun ewro, u anke qed jirnexxilu jtejjeb ir-riżultati tiegħu kif juru t-titjib fl-udjenza tal-midja tiegħu u anke l-istħarriġ tal-gazzetti li minkejja li jibqa’ stampa tal-mument, juri xejra li dak li bdejna qed ikompli jissaħħaħ. Bernard Grech qal li dawn huma kisbiet għall-pajjiż li rridu nkomplu nibnu fuqhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li anke l-imsieħba soċjali llum qed jitkellmu fuq l-istess binarju tal-Partit Nazzjonalista, jiġfieri dwar il-ħtieġa ta’ pjan ċar u mudell ekonomiku fit-tul, biex fl-aħħar mill-aħħar igawdu l-Maltin u l-Għawdxin. Fosthom il-GWU.
Bernard Grech qal li l-miżuri tal-Partit Nazzjonalista biex jintaqqsu t-taxxi fuq kull livell huma biss pass wieħed biex lil Malta u Għawdex nagħtuhom direzzjoni ġdida.
Tul id-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-attakki fuq għadd ta’ kunsillieri Nazzjonalisti li qed jaħdmu għall-ġid tar-residenti tal-lokalità tagħhom, fosthom l-attakk fuq Enya Abela, Kunsilliera Lokali fiż-Żejtun li ppruvaw jagħmlulha sarima ma’ ħalqha għax kienet qed tagħmel dmirha u tinforma lir-residenti dwar x’qed jiġri fil-lokalità. Bernard Grech qal li min se jipprova jbeżża’ lill-kunsillieri Nazzjonalisti u jxekkilhom f’xogħolhom se jsib Partit Nazzjonalista magħqud lest li jiddefendihom.
Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista hu miftuħ għal kulħadd. Ma jibżax mill-isfidi li għandu quddiemu l-pajjiż. Ma jdurx u jagħqad fix-xejn mingħajr direzzjoni. Il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni ċara.
B’determinazzjoni, bil-ħila u l-parteċipazzjoni ta’ kulħadd, Gvern ġdid Nazzjonalista se jmexxi lil Malta u Għawdex ’il quddiem.
