Gvern ġdid Nazzjonalista jkun ta’ sostenn għal min jinvesti flusu fi żvilupp sostenibbli li jagħti lura lill-pajjiż
AĦBAR

Gvern ġdid Nazzjonalista jkun ta’ sostenn għal min jinvesti flusu fi żvilupp sostenibbli li jagħti lura lill-pajjiż

Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur il-Verdala Wellness Hotel u l-Verdala Terraces – proġett b’investiment ta’ €90 miljun minn AX Group

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun ta’ appoġġ għal dawk li jinvestu flushom u l-ħiliet tagħhom f’pajjiżna, b’mod partikolari dawk li jdħlu għal żvilupp sostenibbli li jagħti lura lill-pajjiż bħalma għamel l-AX Group fil-kumpless tal-Verdala.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta dalgħodu żar il-Verdala Terraces u l-Verdala Wellness Hotel fir-Rabat fejn intlaqa’ miċ-Chairman ta’ AX Group Angelo Xuereb u bintu Denise Xuereb – Direttur ta’ AX Development & AX Construction, kif ukoll mis-CEO u Deputy Chairman tal-Grupp Michael Warrington, flimkien ma’ uffiċjali oħra tal-Grupp li dawruh ma’ dan il-proġett.

Il-Verdala Wellness Hotel hija lukanda ta’ ħames stilel li fetħet il-bibien tagħha f’Awwissu li għadda fil-post fejn qabel kien hemm il-Grand Hotel Verdala, u hija l-ewwel lukanda f’pajjiżna li tħaddem il-kunċett ta’ wellness billi toffri numru ta’ servizzi u esperjenzi differenti li jamalgamaw l-ospitalità mal-healthy eating, il-bilanċ u l-benesseri sostenibbli.

Fil-bini ta’ din il-lukanda li għandha 46 kamra, ingħatat attenzjoni kbira lid-dettall kemm f’dak li huwa d-disinn estern u tal-partijiet interjuri kif ukoll f’dik li hija l-arkitettura, b’mod li ġew rispettati l-integrità tal-inħawi u n-natura tal-madwar, u s-sidien riedu li fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Grupp, jagħtu lill-pajjiż destinazzjoni ta’ eċċellenza li tattira turiżmu differenti u ta’ valur lejn Malta.

Angelo Xuereb spjega kif il-kumpaniji tiegħu dejjem immiraw li fil-proġetti tagħhom jagħtu l-akbar prijorità lill-kwalità u lil żvilupp li jkun wieħed ta’ eċċellenza, u huwa għalhekk li bit-tmien lukandi li għandhom, u bl-1,400 ħaddiem li jimpjegaw u li huma ġejjin minn 65 nazzjonalità differenti, qed jirnexxilhom jidħlu f’niċeċ differenti tal-industrija turistika u jkunu katalisti biex Malta tattira lejha turisti li jħallu aktar fl-ekonomija.

Hu spjega kif wara dan l-investiment ta’ €90 miljun f’destinazzjoni ġdida ffurmata minn taħlita ta’ faċilitajiet turistiċi u oħrajn residenzjali, issa l-AX Group qed iħares lejn il-futur bil-pjan li jidħol għal proġetti oħra li għandu f’moħħu, fosthom proġett kbir bħala parti mir-riġenerazzjoni tal-Marsa u t-tkomplija tal-AX ODYCY destination flok is-Suncrest fil-Qawra – proġett li diġà jinsab fit-tieni fażi tiegħu.

Min-naħa tiegħu, anke l-Kap tal-Partit Nazzjonalista enfasizza kif dak li qed jagħmel l-AX Group huwa fl-istess linja tal-viżjoni tal-PN għal dan il-qasam; jiġifieri li fit-turiżmu għandna nimmiraw għall-kwalità fuq il-kwantità. Alex Borg faħħar il-mod kif dan l-iżvilupp immassimizza l-potenzjal kummerċjali billi rnexxielu jgħaqqad flimkien diversi aspetti bħalma huma l-ospitalità, il-benesseri, il-patrimonju u l-ambjent.

Hu wiegħed is-sostenn kollu ta’ gvern ġdid immexxi minnu lil kumpaniji bħal dawn biex ikomplu joħolqu proġetti ikoniċi bħal dawn li mhux biss itejbu l-prodott turistiku u jipprovdu l-impjiegi imma anke jkomplu jsostnu t-tkabbir ekonomiku.

Minbarra l-lukanda, Alex Borg ittieħed ukoll iżur il-Verdala Terraces – kumpless iffurmat minn total ta’ 87 residenza b’veduti mill-isbaħ tal-kampanja f’Tal-Virtù li l-maġġor parti tagħhom diġà nbiegħu lil klijenti Maltin u barranin. Anke f’dan il-każ tispikka l-innovazzjoni fid-disinn strutturali u fl-użu tal-materjal li ntuża fil-kostruzzjoni b’finishing ta’ kwalità għolja kemm fil-bini nnifsu kif ukoll fl-ispazji miftuħa, il-faċilitajiet anċillari u l-landscaping li joħolqu sens ta’ villaġġ komunitarju għar-residenti.

Id-delegazzjoni mmexxija mill-Kap tal-PN għal din iż-żjara kienet tinkludi lix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario de Marco, id-Deputati Ryan Callus u Bernice Bonello u l-kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali David Pace Ross.

04.03.2026