Gvern ġdid Nazzjonalista jnaqqas it-taxxi personali u jħalli aktar flus fil-but tal-ħaddiema, tal-persuni waħidhom, il-familji, is-self-employed u l-pensjonanti
AĦBAR

Gvern ġdid Nazzjonalista jnaqqas it-taxxi personali u jħalli aktar flus fil-but tal-ħaddiema, tal-persuni waħidhom, il-familji, is-self-employed u l-pensjonanti

Gvern Nazzjonalista se jkun gvern li jħallilek aktar flus fil-but. Se nnaqqsu t-taxxi biex il-ħaddiema, il-persuni wahedhom, is-single parents, il-pensjonanti, in-negozji u s-self-employed jibqgħalhom aktar flus f’idejhom.

Il-Kap tal-PN Alex Borg jippreżenta pakkett ta’ sitt miżuri għal sistema ta’ taxxa aktar ġusta, moderna u favur min jaħdem

  • Tax bands ġodda bl-ogħla threshold jogħla għal €80,000
  • Żieda għall-għoli tal-ħajja li ma tibqax tittiekel mit-taxxa
  • Part-time u overtime tax-free sa €10,000
  • Inċentiv għal familji li jospitaw studenti barranin
  • Skills Wallet ta’ €1,000
  • Tneħħija tat-taxxa tal-boll fuq kull trasferiment ta’ proprjetà

Gvern Nazzjonalista se jkun gvern li jħallilek aktar flus fil-but. Se nnaqqsu t-taxxi biex il-ħaddiema, il-persuni wahedhom, is-single parents, il-pensjonanti, in-negozji u s-self-employed jibqgħalhom aktar flus f’idejhom.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet li indirizza dalgħodu flimkien mal-kandidati tal-PN Adrian Delia u David Pace Ross u li matulha ressqu l-proposti tal-PN għal sistema ta’ tassazzjoni personali aktar ġusta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ħafna familji Maltin u Għawdxin illum qed isibuha diffiċli jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja, l-ikel, il-kera, il-kontijiet, il-kura tat-tfal u s-servizzi bażiċi li kollha għolew, iżda s-sistema tat-taxxa personali baqgħet ma tirriflettix ir-realtà ekonomika tal-lum.

Hu ddeskriva t-tax bands tal-lum bħala skaduti. Għal snin twal, iż-żidiet fil-pagi u fil-COLA ma kinux qed ifissru aktar flus reali fil-but tan-nies, għaliex ħafna minn dawn iż-żidiet spiċċaw jittieklu mit-taxxa. Dan hu l-effett tal-fiscal drag: żieda fil-paga biex tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja ma tagħmilx lill-ħaddiem sinjur, iżda xorta tista’ titfgħu f’faxxa ogħla ta’ taxxa.

Alex Borg qal li dan la hu ġust u lanqas jgħin lill-ekonomija u qal li hu għalhekk li  l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta riforma komprensiva tas-sistema tat-taxxa personali li trid tagħti Nifs Ġdid fil-bwiet tan-nies.

Din ir-riforma hi mibnija fuq sitt miżuri ewlenin:

  1. Riforma komprensiva tat-taxxa personali
    Il-PN se jwessa’ t-tax bands kollha u jgħolli t-threshold tal-ogħla rata minn €60,000 għal €80,000 fuq medda ta’ sentejn. Din ir-riforma se twassal għal tnaqqis fit-taxxa għal ħaddiema, self-employed, familji u pensjonanti, b’garanzija ta’ benefiċċju minimu ta’ €1,200 fis-sena għal kull ħaddiem, self-employed u pensjonant.

Persuna single ma tħallasx taxxa fuq l-ewwel €15,000 ta’ dħul, tħallas 15% sa €20,000, 25% sa €80,000 u 35% biss fuq dħul ta’ aktar minn €80,000. Koppji miżżewġin bla tfal ma jħallsux taxxa fuq l-ewwel €19,000, iħallsu 15% sa €26,000, 25% sa €80,000 u 35% biss fuq dħul ta’ aktar minn €80,000.

Għall-familji bit-tfal, il-benefiċċji jkunu akbar. Koppja miżżewġa b’wild wieħed jew waħda ma tħallasx taxxa fuq l-ewwel €25,000, tħallas 15% sa €37,000, 25% sa €80,000 u 35% biss fuq dħul ta’ aktar minn €80,000. Koppja b’żewġt ulied ma tħallasx taxxa fuq l-ewwel €41,000 u tħallas 15% sa €55,000. Għal familji bi tliet ulied jew iżjed, ikun hemm rata ta’ 15% biss fuq id-dħul bejn €41,000 u €80,000.
Il-proposta taħseb ukoll f’ġenituri waħedhom u kustodji. Ġenitur u kustodju b’wild wieħed jew waħda ma jħallasx taxxa fuq l-ewwel €20,000, iħallas 15% sa €32,000 u 25% sa €80,000. Ġenitur u kustodju b’żewġt ulied ma jħallasx taxxa fuq l-ewwel €35,000 u jħallas 15% sa €48,000. Għal ġenituri waħedhom bi tliet ulied jew iżjed, ikun hemm rata ta’ 15% biss fuq id-dħul bejn €35,000 u €80,000.

  • Aġġustament annwali tat-tax bands bil-COLA
    Taħt Gvern ġdid Nazzjonalista, it-tax bands kollha jogħlew kull sena bl-istess ammont tal-COLA. Dan ifisser li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja tibqa’ tingħata kollha lill-ħaddiema, lis-self-employed u lill-pensjonanti, u ma tibqax tittiekel mit-taxxa.

  • Inċentiv għal min jagħmel xogħol part-time u overtime
    L-ewwel €10,000 ta’ dħul minn xogħol part-time jew overtime jkunu ħielsa mit-taxxa. Din hija miżura li tippremja lil min jagħmel sforz żejjed u tħalli aktar flus fil-but ta’ min jaħdem.

  • Inċentivi għall-familji li jospitaw studenti barranin
    Familji li jospitaw studenti barranin ikollhom id-dħul minn dan il-qasam kompletament ħieles mit-taxxa. Din il-miżura tgħin lill-familji u fl-istess ħin issaħħaħ settur importanti għall-ekonomija Maltija.

  • Skills Wallet ta’ €1,000 għal kull ċittadin Malti

Kull ċittadin Malti ta’ 18-il sena ’l fuq jingħata Skills Wallet ta’ €1,000, li jiġġedded kull tliet snin, biex ikun jista’ jaġġorna l-ħiliet tiegħu, jitħarreġ għal opportunitajiet ġodda jew jimxi ’l quddiem fid-dinja tax-xogħol.
Il-PN qal li pajjiżna ma jistax jibqa’ jitkellem dwar ekonomija ta’ kwalità mingħajr ma jinvesti b’mod dirett fin-nies. Il-Skills Wallet jagħti l-għażla lill-individwu u jelimina l-inkwiet dwar il-finanzi għat-taħriġ biex jgħinu jbiddel il-karriera jew itejjeb il-ħiliet tiegħu.

  • Riforma tat-taxxa tal-boll fuq it-trasferimenti ta’ proprjetà
    Gvern ġdid Nazzjonalista jneħħi b’mod sħiħ u mingħajr limitu ta’ valur il-ħlas tat-taxxa tal-boll (stamp duty) fuq kull trasferiment ta’ proprjetà immobbli li jgħaddi b’titlu ta’ wirt.
    Il-PN ineħħi wkoll it-taxxa tal-boll tas-suċċessjoni ta’ negozji tal-familja li jgħaddu b’titlu ta’ wirt, kemm jekk jinvolvu ishma f’kumpaniji kif ukoll jekk jinvolvu proprjetà immobbli użata għall-kummerċ. Din hija miżura biex tipproteġi n-negozji tal-familja, l-impjiegi u l-kontinwità bejn ġenerazzjoni u oħra.
    Barra minn hekk, Gvern ġdid Nazzjonalista jneħħi b’mod sħiħ it-taxxa tal-boll fuq trasferimenti ta’ proprjetà immobbli b’titlu ta’ donazzjoni mill-ġenituri lit-tfal jew lin-neputijiet. Dan ifisser li familji Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jgħaddu l-ġid tagħhom lil uliedhom b’aktar serħan il-moħħ.

Alex Borg qal li din ir-riforma li se jintroduċi Gvern Nazzjonalista se tagħti lura bejn €230 miljun u €265 miljun fis-sena direttament lill-familji Maltin meta tkun implimentata kollha. Billi tiddaħħal b’mod gradwali fuq sentejn, l-ispiża inizjali tkun ta’ madwar €110 miljun sa €130 miljun fis-sena. Aktar flus fil-but tan-nies iwasslu wkoll għal żieda fil-konsum domestiku ta’ madwar €200 miljun fis-sena, li min-naħa tiegħu jiġġenera bejn €50 miljun u €70 miljun fi dħul addizzjonali permezz tal-VAT, in-National Insurance u taxxi oħra.

Waqt din il-konferenza l-Partit Nazzjonalista nieda wkoll calculator online li jippermetti lin-nies iqabblu kemm iħallsu taxxa taħt il-pjan tat-taxxa propost mill-PN, ir-rati attwali tal-2026 u l-pjanijiet imħabbra mil-Labour għall-2028.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawn il-miżuri ġew costed, huma fattibbli u se jiġu implimentati minn Gvern ġdid Nazzjonalista. Huma miżuri li jħallu aktar flus fil-but tan-nies, biex in-nies jgħixu aħjar u jkollhom aktar serħan fil-ħajja ta’ kuljum.

Alex Borg qal li Nifs Ġdid ifisser ekonomija li taħdem għan-nies, mhux sistema li tieħu kuljum mingħand min jaħdem u tagħtih ftit lura qabel elezzjoni. Il-PN mhux qed jipproponi gimmicks jew ċekkijiet ta’ darba, iżda riforma permanenti li tippremja x-xogħol, issaħħaħ il-familja u tibni ekonomija aktar ġusta.

“Dawn huma miżuri li jħallu aktar flus fil-but tal-ħaddiema, tal-familji, tas-self-employed u tal-pensjonanti. Flus fil-but biex in-nies jgħixu aħjar. Din hija ekonomija li trendi għan-nies. Din hija sistema ta’ taxxa aktar ġusta. Dan hu Nifs Ġdid għall-Maltin u l-Għawdxin”.

Fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista spjega l-viżjoni tiegħu għal Malta u Għawdex: ekonomija ġdida li toħloq niċeċ ekonomiċi ta’ kwalità, tattira investiment ġdid u tiġġenera aktar ġid għall-pajjiż.

Il-Partit Nazzjonalista diġà spjega kif Gvern ġdid Nazzjonalista se joħloq opportunitajiet ġodda permezz tal-Mediterranean Maritime Fuel Hub, li hu stmat li jiġġenera madwar €450 miljun fl-ekonomija Maltija fl-ewwel tliet snin; investiment fid-Data, l-AI u New Space, li hu mistenni jirrendi madwar €100 miljun fl-ewwel ħames snin; u investiment fl-ekonomija kreattiva permezz tal-proġett PORT – Distrett Kulturali fil-Marsa, b’investiment ta’ madwar €350 miljun u dħul ta’ madwar €110 miljun fis-sena fl-ekonomija Maltija.
Permezz tad-dħul ġdid li se jiġi ġġenerat mill-industriji innovattivi ġodda li se jinħolqu, se nkunu nistgħu nimplimentaw dawn il-proposti ġodda għat-tnaqqis tat-taxxa. Gvern Nazzjonalista jinvesti wkoll fil-ħaddiema tas-saħħa permezz ta’ pakketti finanzjarji li jixirqilhom, jinvesti fl-istudenti b’żieda ta’ 25% fl-istipendji kollha u jinvesti fl-edukazzjoni biex f’pajjiżna jkollna ħaddiema bil-ħiliet speċjalizzati li għandna bżonn.

IL-PN jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar riforma fit-taxxa

Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia spjega aktar fid-dettal ir-riforma tal-faxex tat-taxxa. Huwa qal li l-punt tat-tluq hu li l-paga medja Maltija hija madwar €2,130 fix-xahar – aktar minn €1,000 inqas mill-paga medja fl-Unjoni Ewropea li hija madwar €3,155 fix-xahar. Dan ifisser distakk ta’ aktar minn €1,000 fix-xahar, jew aktar minn €12,000 fis-sena. Meta żżid ma’ dik l-għoli tal-ħajja, il-piżijiet fuq in-nies huma kbar. It-tkabbir irid jasal mhux biss fuq il-balance sheets imma wkoll  fil-bwiet tan-nies. Huwa qal li r-riforma fit-taxxa personali għaldaqstant hija kruċjali.

Adrian Delia spjega kif ir-riforma tal-Partit Nazzjonalista se tbiddel il-faxex kollha tat-taxxa skont l-istatus tal-persuna u tħalli aktar flus fil-bwiet. Hekk se tagħmel ukoll it-tneħħija tat-taxxa minn fuq iż-żieda għall-għoli tal-ħajja li se tfisser aktar dħul għal 300,000 ħaddiem.

IL-PN jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar riforma fit-taxxa

Il-kandidat tal-PN David Pace Ross tkellem aktar dwar il-proposta intiża biex tgħin lill-hosting families – familji li jospitaw studenti barranin li jiġu jistudjaw f’pajjiżna. Gvern Nazzjonalista se jara li d-dħul mis-servizz li jkunu qed jagħtu jibqgħalhom kollu fil-but għax ikun ħieles mit-taxxa. Din il-miżura se tgħin iżżomm in-nukleu tal-familja aktar miġbura u se tagħti rikonoxximent lil familji li qed jgħinu l-ekonomija tal-pajjiż filwaqt li se tinċentiva l-qasam edukattiv f’pajjiżna.  

Huwa spjega wkoll kif l-Iskills Wallet li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista se jagħti l-opportunità lil kull ċittadin Malti minn 18 il  sena ‘l fuq li se jkun qed jirċievi Skills Wallet ta’ €1,000 li se jidħlu direttament fil-Wallet tal-persuna biex kull ċittadin Malti jkollu l-opportunità jtejjeb il-ħiliet tiegħu.

07.05.2026

Agħfas hawn biex tqabbel il-faxex tat-taxxa kif prospost mill-PN meta mqablla mal-Labour