Gvern ġdid Nazzjonalista jwieżen lil dawk fit-truf tas-soċjetà tagħna
AĦBAR

Gvern ġdid Nazzjonalista jwieżen lil dawk fit-truf tas-soċjetà tagħna

Illum il-Jum Dinji għall-Eradikazzjoni tal-Faqar

Gvern ġdid Nazzjonalista jara li kulħadd ikollu d-dinjità li tixraqlu u li dawk li jinsabu fit-truf tas-soċjetà jingħataw il-wens u l-appoġġ meħtieġ. Il-PN fil-gvern jagħti prijorità lil dawk li jinsabu fil-faxxa tal-qiegħ fis-soċjetà tagħna.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Caritas fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Eradikazzjoni tal-Faqar, il-Partit Nazzjonalista wassal messaġġ ċar dwar is-sitwazzjoni attwali li qed jgħixu ħafna nies illum.

Ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda kontra l-Faqar Ivan Bartolo qal li wara kull wiċċ hemm storja. Hu tkellem dwar l-issikkar taċ-ċintorin ma’ dawk l-aktar batuti li jibbenefikaw minn skema ta’ għajnuna bi prodotti bażiċi ta’ ikel, u qal li l-Gvern Laburista għażel li jnaqqas il-prodotti drastikament.

Dawk fil-bżonn, kull sitt xhur kienu jieħdu żewġ basktijiet mimlija b’14-il prodott bażiku imma llum qed jieħdu basket żgħir b’erba’ prodotti differenti. L-inugwaljanza estrema tal-ġid mhijiex ġusta u għad għandna anke min minkejja li għandu impjieg, xorta jinsab taħt il-linja tal-faqar. Waqt li semma l-problema tas-solitudni fejn mhuma qed jittieħdu l-ebda miżuri konkreti, Ivan Bartolo semma wkoll lil dawk mingħajr saqaf fuq rashom, nies li jgħixu f’postijiet dilapidati, bla aċċess għal ambjent nadif u għas-servizzi pubbliċi.

Tkellem ukoll ix-Shadow Minister għas-settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo li indirizza r-rapport tal-Caritas Malta li ġie ppubblikat ftit tal-ġimgħat ilu, u li l-konklużjonijiet tiegħu huma ta’ tħassib kbir. Hu qal li għal familja ta’ erbgħa, il-budget minimu essenzjali għal għajxien diċenti issa huwa ta’ aktar minn €19,000 fis-sena u jekk wieħed jinkludi l-ispejjeż bażiċi bħall-kera, l-utilitajiet u l-ispejjeż ta’ kuljum, jitla’ għal €33,000. Dan meta ħafna familji Maltin ma jaqilgħux dan l-ammont. Is-sitwazzjoni tiggrava għal min jgħix fuq il-paga minima nazzjonali, u għall-anzjani li jiddependu fuq il-pensjoni minima garantita.

Ir-rapport juri biċ-ċar li l-oġġetti essenzjali bħall-ikel issa jammontaw għal aktar minn 30% tal-għoli tal-ħajja totali, u dan għal stil ta’ ħajja bażiku u modest, mhux għal min jgħix ħajja ta’ lussu. Ir-rapport juri li minkejja dak li qed jgħid il-Gvern, in-nies ma jaffordjawx dak li għandu jkun il-minimu biex ikopru l-ispejjeż relatati anki mas-saħħa.

Ma jistax jiġi injorat lanqas il-falliment tal-iskema Stabbiltà li tant ftaħar biha l-Gvern, u li suppost kellha tistabbilizza l-prezzijiet tal-ikel, iżda għall-kuntrarju ma tatx l-ispinta mwiegħda lill-konsumaturi. Minflok, rajna żidiet kontinwi fil-prezzijiet, u nuqqas ta’ ħila mill-Gvern li jinforza kontrolli effettivi fuq il-prezzijiet.

Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali Albert Butigieg qal li meta nitkellmu fuq l-interventi neċessarji biex inkissru c-ċirku tal-faqar li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra, irridu nagħmlu politika soċjali robusta li tipprovdi mhux biss “il-ħuta” imma anke “l-qasba”. Hu kompla li bit-terminu “faqar” ma nifhmux biss dak finanzjarju imma s-sens wiesgħa tal-kelma jinkludi wkoll l-emozzjonijiet soċjali, intelletwali u relazzjonali.

Dan ifisser li tajjeb li noħolqu miżuri u għajnuniet oħra li jwieżnu lill-foqra fl-immedjat, imma rridu naħdmu biex ikollna strutturi u inzjattivi li jagħtu l-empowerment biex dawn il-persuni ma jaqgħux lura fil-ħajja, iżda jimxu ’l quddiem b’dinjità. Dan jista’ jseħħ b’investimet qawwi fit-tisħiħ tal-familja u l-edukazzjoni.

Gvern ġdid Nazzjonalista jwaqqaf dan iċ-ċirku vizzjuż.

Mhix kwistjoni ta’ riżorsi u lanqas ta’ soluzzjonijiet. Kulma hemm bżonn hija rieda politika.

17.10.2024