Gvern Nazzjonalista jkollu lil Għawdex f’qalbu dejjem, mhux lejliet l-elezzjoni biss
AĦBAR

Gvern Nazzjonalista jkollu lil Għawdex f’qalbu dejjem, mhux lejliet l-elezzjoni biss

Fin-Nadur il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti Nifs Ġdid lil Għawdex b’konnettività aħjar, aktar xogħol, sptar ġdid, edukazzjoni b’saħħitha u rispett sħiħ lejn l-identità Għawdxija

Fin-Nadur il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti Nifs Ġdid lil Għawdex b’konnettività aħjar, aktar xogħol, sptar ġdid, edukazzjoni b’saħħitha u rispett sħiħ lejn l-identità Għawdxija

Gvern Nazzjonalista jkollu lil Għawdex f’qalbu dejjem, mhux jiftakar fih biss lejliet l-elezzjoni.

Waqt attività politika fin-Nadur Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li bħala Għawdxi jaf xi tfisser tgħix f’Għawdex, taqsam il-fliegu, titlef il-ħin fil-vjaġġi, li tkun student u trid titlaq minn darek biex tmur tistudja Malta, jew negozjant li jibda kuljum bi żvantaġġ għax kull vjaġġ u kull dewmien jiswiek il-flus.

Hu qal li meta ftit ilu sema’ lil min jgħid li 13-il sena ilu Għawdex kien deżert ma setax jemmen dak li sema’. Fakkar kif Gvernijiet Nazzjonalista wettqu proġetti kbar infrastrutturali f’Għawdex inkluż sptar għall-Għawdxin. Il-Partit Laburista f’kull manifest iwiegħed sptar ġdid lill-Għawdxin, imma se jkun Gvern Nazzjonalista li dan l-isptar se jwettqu. Il-Kap tal-PN qal li Gvern immexxi mill-Partit Laburista lil Għawdex jiftakar fih biss lejliet l-elezzjoni.

Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista, inklużi l-membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti, qed jaħdmu b’ħiltihom kollha biex iġibu fondi Ewropej biex Gvern Nazzjonalista jinvesti fi flotta ġdida bejn Malta u Għawdex – b’vapuri ġodda għall-passiġġieri u għall-merkanzija.

Semma wkoll id-differenza bejn Gvern Nazzjonalista u Gvern Laburista f’Għawdex fejn jidħlu toroq, meta Gvern Laburista ħalla t-toroq fl-agħar stat li qatt kienu.

Hu wiegħed li l-arti u l-kultura f’Għawdex jingħataw Nifs Ġdid b’fond ta’ €9 miljuni u qal li Gvern Nazzjonalista mhux biss irid jagħti appoġġ lil dan il-qasam imma jrid jarah jagħmel il-qabża li jmiss.

Alex Borg tkellem dwar mudell ġdid ta’ xogħol għal Għawdex, b’aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin, aktar servizzi pubbliċi li jaħdmu minn Għawdex, aktar kumpaniji privati li jiftħu f’Għawdex, u setturi ġodda u semma l-investiment li jrid jagħmel Gvern Nazzjonalista fl-edukazzjoni, bit-tisħiħ tal-iskejjel għat-tfal kollha inkluż dawk newrodiverġenti.

Il-Kap tal-PN qal li tul din il-kampanja ħarġet differenza kbira bejn il-kampanja friska, enerġetika u pożittiva tal-Partit Nazzjoanlista u dik ta’ min għadu jħaddan politika tat-tfigħ ta’ tajn, tan-negattività u tal-attakki personali. Hu qal li n-nies ma jridux aktar din it-tip ta’ politika u li ħafna nies u ħafna żgħażagħ qed jersqu eqreb lejn il-Partit Nazzjonalista li qed jiġi quddiemhom b’politika li tagħti tama.

Huwa appella lill-Maltin u l-Għawdxin kollha, inkluż lil dawk li għadhom inċerti, lil dawk li tbiegħdu mill-PN, lil-Laburisti ġenwini diżappuntati u lil dawk li qed jaħsbu li ma jivvutawx, biex nhar is-Sibt jagħmlu l-għażla tagħhom favur Malta u Għawdex, favur il-familji tagħhom u favur il-futur. Favur Nifs Ġdid.

Waqt l-istess attività politika, is-Sindku Nazzjonalista tan-Nadur Edward Said tkellem dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-ibliet u l-irħula ta’ Għawdex, b’mod partikolari fejn tidħol l-infrastruttura, il-ħidma tal-Kunsilli Lokali u l-konnettività bejn Malta u Għawdex. Hu sostna li l-Kunsilli Lokali llum għadhom jiffunzjonzaw biss grazzi għall-ħidma tal-kunsillieri għaliex il-Gvern Laburista abbandunahom għal riħhom. Huwa għalaq il-messaġġ tiegħu billi appella lil kulħadd biex nhar is-Sibt jagħti l-appoġġ lill-Partit Nazzjonalista biex jagħmel għal pajjiżna dak li Partit Laburista għejjien u bla viżjoni ma jistax jagħmel – jagħtih Nifs Ġdid.

Maureen Xerri, imprenditriċi, fetħet billi qalet li Alex Borg fetaħ il-bibien tal-Partit għal kulħadd. Hi tkellmet dwar diversi proposti li għandu l-Partit Nazzjonalista għall-ġenituri, għaż-żgħażagħ, għall-edukazzjoni u għall-kultura. Hi qalet li tixtieq tara lil uliedha jikbru f’pajjiż san u qalet li hu biss Gvern ġdid Nazzjonalista li jista’ verament jagħti Nifs Ġdid lil Għawdex u lil Malta. Bħala omm hija appellat biex ilkoll nagħtu l-fiduċja tagħna lil Alex Borg u lill-Partit Nazzjonalista biex fil-ħames snin li ġejjin ikollna gvern li jpoġġi lin-nies fiċ-ċentru.

Il-Viċi Sindku tan-Nadur Kevin Curmi tkellem bħala żagħżugħ Għawdxi. Hu qal li minkejja li ħafna jgħidu li ż-żgħażagħ tilfu l-interess fil-fiduċja, jekk wieħed iħares lejn il-ħafna kunsillieri Għawdxin f’Għawdex, jifhem li dan mhux minnu. Hu qal li llum qed ngħixu realtà fejn in-nies xebgħu mill-politika negattiva u jridu politika li sservi lin-nies b’serjetà. Hu qal li llum għandna lil Alex Borg li qed jagħti tama ġdida li dan il-pajjiż jimxi ’l quddiem u biex ikollna Għawdex aħjar mil-lum. Kevin Curmi sostna li hemm min qal li llum Għawdex hu tal-prima klassi imma ħarsa madwar il-gżira turik kemm Għawdex tħalla għal riħu minn Gvern immexxi mill-Partit Laburista. Hu saħaq li jekk irridu bidla nhar is-Sibt irridu nivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.

Il-Kunsillier Eucharist Camilleri fakkar fil-ħafna servizzi li l-anzjani ilhom igawdu s-snin wara li kien Gvern Nazzjonalista li bdiehom – fosthom il-POYC, is-servizz tal-infermiera d-dar, il-meals on wheels u t-Telecare. B’kuntrast, fi tlettax-il sena kellna Gvern li nesa s-saħħa tal-anzjani fost l-oħrajn billi ħallihom bil-bereġ tas-saħħa magħluqa. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista qed jiġi quddiem l-anzjani bi proposti b’saħħithom – bħat-tabib tal-għażla tagħhom b’xejn u l-mediċini mwassla d-dar.  Hu faħħar il-proposti tal-PN għall-kultura fosthom il-fond ta’ €9 miljun għat-teatri u ċ-ċentri kulturali f’Għawdex. Huwa qal li dawn huma miżuri li jagħtu rispett lill-anzjani u jsaħħu l-identità kulturali li tagħmel lil Għawdex uniku.

L-attività fin-Nadur kienet parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista, Nifs Ġdid li tkompli għada filgħodu fil-11am b’attività fil-Fgura u fil-5pm b’Mass Meeting f’Tas-Sliema. Bħalissa għaddejja wkoll il-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-Partit Nazzjonalista li qed tixxandar live fuq NET Television.

23.05.2026