Gvern Nazzjonalista jrid jieħu lil Malta u Għawdex ’il quddiem b’niċeċ ġodda fid-Data, l-AI u New Space, kif ukoll fl-Ekonomija Kreattiva
Il-Partit Nazzjonalista jippreżenta proposti għal oqsma innovattivi u kreattivi; tkabbir ekonomiku li jħalli aktar flus fil-bwiet u fl-ekonomija u inqas piżijiet fuq l-infrastruttura; nerġgħu nagħtu lill-poplu viżjoni friska li trendi
Il-Partit Nazzjonalista jippreżenta proposti għal oqsma innovattivi u kreattivi; tkabbir ekonomiku li jħalli aktar flus fil-bwiet u fl-ekonomija u inqas piżijiet fuq l-infrastruttura; nerġgħu nagħtu lill-poplu viżjoni friska li trendi
Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern kien strumentali fil-ħolqien u l-iżvilupp ta’ setturi ekonomiċi ġodda li ddiversifikaw l-ekonomija Maltija, fosthom is-servizzi finanzjarji, l-iGaming, l-avjazzjoni, il-farmaċewtika u s-settur marittimu.
Din il-viżjoni ekonomika ħolqot impjiegi ta’ kwalità, saħħet il-kompetittività ta’ Malta fuq livell internazzjonali u bniet setturi li għadhom il-bażi tal-ekonomija ta’ pajjiżna sal-lum.

Il-Partit Nazzjonalista llum irid għal darba oħra jieħu lil pajjiżna ’l quddiem b’viżjoni friska li biha se joħloq setturi ġodda f’oqsma innovattivi u moderni li se jiftħu bibien ta’ opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna, u viżjoni friska fl-ekonomjia kreattiva li tagħti lill-artisti Maltin Nifs Ġdid u spazju fejn jeċċellaw u jimirħu.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġew imħabbra aktar proposti ekonomiċi tal-Partit Nazzjonalista bħala parti mill-kampanja Nifs Ġdid. Proposti li għandhom l-għan li jagħtu aktar valur miżjud mingħajr ma jitfgħu piżijiet ġodda fuq l-infrastruttura kif ukoll li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu u jżidu l-flus fil-but.
Alex Borg fakkar li lbieraħ il-Partit Nazzjonalista ħabbar settur ekonomiku ġdid ieħor, il-Mediterranean Maritime Fuel Hub, li mistenni jiġġenera madwar €450 miljun fl-ekonomija Maltija fl-ewwel tliet snin tal-operat tiegħu. Illum, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli juri kif Gvern ġdid Nazzjonalista se jinvesti f’niċeċ ekonomiċi oħrajn li joħolqu valur miżjud, xogħol ta’ kwalità u opportunitajiet ġodda għall-Maltin u l-Għawdxin.
Alex Borg qal li Gvern Nazzjonalista se jinvesti f’dawn is-setturi ekonomiċi biex ikabbar il-ġid nazzjonali u b’hekk ikun jista’ jgħolli l-livell tal-għajxien tal- Maltin u l-Għawdxin.
Dan isir billi jiżdiedu l-flus fil-bwiet tan-nies u jkun miġġieled l-għoli tal-ħajja, u b’mod awtomatiku titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li Gvern immexxi minnu jinvesti f’niċeċ ekonomiċi li ma jagħmlux pressjoni żejda fuq il-familji, fuq il-popolazzjoni u fuq l-infrastruttura tal-pajjiż, iżda li jkunu mibnija fuq il-valur miżjud, l-innovazzjoni, it-talent u l-għarfien.
Hu qal li l-proposti mħabbra llum jiffukaw fuq żewġ setturi ekonomiċi ġodda: Data, AI u New Space; u l-Ekonomija Kreattiva.
Alex Borg qal li bis-setturi tad-Data, l-AI u n-New Space l-pajjiż se jkollu added value, se joħloq xogħlijiet ta’ kwalità u jkun hemm ripple effect fuq l-ekonomija inġenerali li jħalli aktar flus fil-but. Dan jiġbed ukoll aktar investiment barrani f’pajjiżna li wkoll ikompli jżidu l-impjiegi ta’ kwalità. Huwa qal li l-qasam tan-New Space huwa wieħed reali u mhux xi ħaġa tal-futur. Skont il-European Space Agency fl-2024 dan il-qasam iġġenera €400 biljun globalment, €78 biljun minnhom fl-Ewropa.
Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia spjega aktar dwar il-proposti tal-PN dwar l-oqsma tad-Data, l-AI u n-New Space.

Huwa qal li jekk il-poplu jafda lill-Partit Nazzjonalista biex imexxi lil pajjiżna għall-ħames snin li ġejjin, fl-ewwel ħames snin Gvern Nazzjonalita jinvesti €12-il miljuni fin-New Space. Dawn mistennija jiġġeneraw mal-€100 miljun fl-ekonomija tal-pajjiż u fi żmien 10 snin jibdew jiġġeneraw €200 miljun fis-sena għal pajjiżna.
Hu qal li Gvern Nazzjonalista se jinvesti f’niċċa ekonomika li tippermetti lil Malta tattira investiment dirett barrani minn kumpaniji li jużaw konnettività bis-satellita, data mill-ispazju, sistemi ta’ navigazzjoni u AI biex joħolqu servizzi ġodda.
L-għan aħħari hu li dawn l-oqsma jagħtu valur lill-ekonomija, joffru opportunitajiet ta’ karrieri moderni u jsaħħu l-pajjiż mingħajr ma jpoġġu pressjoni fuq il-poplu u l-infrastruttura.
“Aħna impenjati li ninvestu f’dawn l-oqsma għax Malta hija innovattiva u ambizzjuża u għax għandna potenzjal kbir fihom. Waslna għall-qabża li jmiss biex nerġgħu noħolqu xogħol ta kwalità. Ma nistgħux nibqgħu lura. Il-veru riskju mhux li nkunu ambizzjużi żżejjed imma li nkunu tard”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-proġett PORT – Distrett Kulturali, proġett li se jpoġġi lil pajjiżna fuq livell internazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mal-qasam tal-arti, il-kultura u l-konferenzi.
“F’Malta għandna talent lokali imprezzabbli li jrid ikun massimizzat biex l-artisti tagħna jkollhom l-aqwa opportunitajiet f’pajjiżna stess – impjiegi ta’ kwalità għall-artisti. Inkabbru l-attività ekonomika b’rabta ma’ dan is-settur u nsaħħu l-identita kulturali ta’ Malta u Għawdex”.
Spjegat aktar dwar din in-niċċa ġdida tal-Ekonomija Kreattiva l-kandidata tal-PN Julie Zahra li qalet li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista se toffri spazji ġodda u għajnuna finanzjarja lill-artisti. Hi spjegat kif il-proġett ikun jikkonsisti primarjament f’investiment f’żewġ binjiet ewlenin:
- in-National Hall;
- il-Marsa Expo Centre.
In-National Hall se jkun kumpless nazzjonali bbażat fuq sala prinċipali li sservi bħala d-dar permanenti tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, u tkun imfassla għal xogħlijiet li jinkludu opra, ballet u produzzjonijiet artistiċi fuq skala kbira.

Il-Marsa Expo Centre tkun faċilità ewlenija għal avvenimenti, konferenzi u wirjiet, li tilqa’ avvenimenti kulturali fuq skala kbira, konferenzi internazzjonali, expos, fieri u attivitajiet kummerċjali.
Dan kollu se jsir b’investiment kapitali ta’ madwar €350 miljun u din in-niċċa ekonomika mistennija trendi lura fl-ekonomija Maltija madwar €110 miljun fis-sena.
Julie Zahra qalet li dan l-investiment isir biex l-artisti Maltin u Għawdxin ikollhom l-aqwa infrastruttura, l-aqwa opportunitajiet ta’ xogħol fil-qasam tal-arti, il-kultura u l-innovazzjoni, u sors ta’ introjtu aktar b’saħħtu.
Hija qalet li l-Partit Nazzjonalista jrid jixpruna t-talent Malti u joffri l-opportunitajiet biex il-kultura ssir industrija serja li toħloq ix-xogħol, tkattar il-ġid fl-ekonomija u ssaħħaħ l-identità nazzjonali.
“Dan se jkun il-legat li se jħalli Gvern Nazzjonalista lill-artisti u lill-pajjiż”.
Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti Nifs Ġdid lill-ekonomija, Nifs Ġdid lit-talent Malti u Għawdxi, u Nifs Ġdid lill-familji li jridu jimxu ’l quddiem f’Malta tagħna.
06.05.2026



