Gvern Nazzjonalista se jsarraf il-ġid ekonomiku fi kwalità ta’ ħajja aħjar għan-nies
AĦBAR

Gvern Nazzjonalista se jsarraf il-ġid ekonomiku fi kwalità ta’ ħajja aħjar għan-nies

Il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin ma titkejjilx biss bin-numri tal-ekonomija, iżda b’kemm in-nies qed jgħixu aħjar fil-ħajja ta’ kuljum: kemm għandhom ħin għall-familja, kemm għandhom serħan il-moħħ, kemm għandhom spazji miftuħa fejn jieħdu nifs, kemm għandhom servizzi tas-saħħa li jaħdmu, edukazzjoni ta’ kwalità u opportunitajiet reali għall-futur.

B’viżjoni ċara u b’miżuri studjati Gvern Nazzjonalista jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema, l-istudenti u ż-żgħażagħ; Il-Partit Nazzjonalista jemmen fi kwalità tal-ħajja li ma titkejjilx biss bin-numri

Il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin ma titkejjilx biss bin-numri tal-ekonomija, iżda b’kemm in-nies qed jgħixu aħjar fil-ħajja ta’ kuljum: kemm għandhom ħin għall-familja, kemm għandhom serħan il-moħħ, kemm għandhom spazji miftuħa fejn jieħdu nifs, kemm għandhom servizzi tas-saħħa li jaħdmu, edukazzjoni ta’ kwalità u opportunitajiet reali għall-futur.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Joseph Grech, Justin Schembri u Bernice Bonello waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha tkellmu dwar il-viżjoni tal-PN għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-ħaddiema, l-istudenti u ż-żgħażagħ.

Huma qalu li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern dejjem ħares lejn l-ekonomija bħala mezz biex ittejjeb il-ħajja tan-nies. Kien il-PN li ġibed lejn Malta niċeċ ekonomiċi li sal-lum għadhom pilastri tal-ekonomija Maltija, fosthom il-gaming, is-servizzi finanzjarji, l-avjazzjoni, il-farmaċewtika u s-settur marittimu.

Illum, il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jwitti t-triq għal niċeċ ġodda li joħolqu aktar ġid, xogħol ta’ kwalità u opportunitajiet ġodda. Eżempju ċar huwa l-proġett imħabbar dalgħodu mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg: il-Mediterranean Maritime Fuel Hub f’parti minn Hurd’s Bank, proġett li se jsaħħaħ lil Malta bħala ċentru marittimu, joħloq xogħlijiet ġodda u jżid il-valur tal-ekonomija Maltija għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.

Joseph Grech tkellem dwar il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u qal li, minkejja li l-Gvern ilu s-snin jitkellem dwar ekonomija b’saħħitha, il-ħaddiem qed iħoss il-piż ta’ stress akbar, traffiku, għoli tal-ħajja, overpopulation u nuqqas ta’ bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja u s-saħħa.

Dan ġie kkonfermat minn rapport li ħareġ dan l-aħħar li juri li l-ħaddiema Maltin huma ferm aktar stressjati mill-ħaddiema tal-pajjiżi l-oħra Ewropej.

L-istress ikompli jiżdied bit-traffiku li minflok jonqos qiegħed dejjem jiġġammja aktar.

Hu qal li l-ħaddiem m’għandux jitqies biss bħala numru fl-ekonomija, iżda bħala persuna li għandha dritt għal saħħa, dinjità, ħin għall-familja u kwalità ta’ ħajja aħjar. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li kull ħaddiem f’Malta jkollu d-dritt għal screening regolari tas-saħħa fiżika u mentali tiegħu, imħallas mill-Istat.

Din il-proposta, imħabbra mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’Selmun fl-Ewwel ta’ Mejju, tfisser bidla fil-mentalità tas-saħħa: minn sistema li tirreaġixxi meta n-nies jimirdu għal sistema li tipprevjeni. Dan l-iscreening jingħata permezz tas-servizzi eżistenti tal-kura tas-saħħa u jkun integrat fil-Park Nazzjonali tas-Saħħa f’Selmun, proġett li jpoġġi l-prevenzjoni, ir-riabilitazzjoni u s-saħħa mentali fiċ-ċentru tal-politika tas-saħħa.

Din hi l-politika li tpoġġi lill-ħaddiem fiċ-ċentru. Din hi l-politika li se tagħti nifs ġdid lil Malta u Għawdex.

Justin Schembri qal li l-kwalità tal-ħajja tibda mill-edukazzjoni: minn skejjel tajba, edukaturi rispettati, studenti appoġġjati u familji li jkollha serħan il-moħħ dwar il-futur ta’ wliedha.

Hu qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fl-edukazzjoni bħala l-akbar investiment fil-futur ta’ Malta. Meta kien fil-gvern, il-PN bena skejjel ġodda, immodernizza l-infrastruttura edukattiva u fetaħ aktar opportunitajiet għall-istudenti. Għalhekk Gvern Nazzjonalista jerġa’ jdaħħal programm serju ta’ investiment fl-iskejjel, b’impenn ċar: skola ġdida kull sena.

Dawn ikunu skejjel moderni, sostenibbli, inklussivi u mibnija skont standards ħodor, b’enerġija rinnovabbli u infrastruttura adattata għall-ħtiġijiet tat-tfal kollha. Il-PN se jdaħħal ukoll sistema ta’ manutenzjoni preventiva kontinwa biex l-iskejjel jinżammu f’kundizzjoni tajba matul is-sena kollha.

Justin Schembri fakkar ukoll li l-PN se jagħti żieda ta’ 25% fl-istipendji lill-istudenti kollha li jkomplu jistudjaw wara s-snin obbligatorji, grant addizzjonali lill-istudenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta, u se jgħolli l-istipendji tal-istudenti fil-qasam tas-saħħa biex jilħqu €1,000, ekwivalenti għall-paga minima.

Hu qal li Gvern Nazzjonalista jinvesti wkoll fl-għalliema, fl-LSEs, fil-KGEs u ċ-Child Carers, jagħmel reviżjoni tal-kurrikulu u tal-assessjar, isaħħaħ il-ħiliet diġitali u vokazzjonali, u jħejji lill-istudenti għal setturi ġodda u innovattivi bħall-Fintech, l-Intelliġenza Artifiċjali, it-3D printing u ekonomija b’valur miżjud.

Gvern Nazzjonalista jrid jagħti Nifs Ġdid lill-edukazzjoni – Nifs Ġdid liż-żgħażagħ.

Bernice Bonello tkellmet dwar il-kwalità tal-ħajja taż-żgħażagħ u qalet li mhux biżżejjed li l-ekonomija tikber jekk iż-żgħażagħ ma jħossuhomx li jistgħu jibnu futur f’pajjiżhom stess.

Hija qalet li ħafna żgħażagħ illum qed jistudjaw, jaħdmu u jippruvaw jibnu ħajjithom, iżda xorta qed iħossuhom mwaħħlin minħabba l-għoli tal-ħajja, il-prezzijiet tal-kirjiet u tal-proprjetà, it-traffiku, il-pressjoni fuq is-saħħa mentali, l-overdevelopment u n-nuqqas ta’ spazji miftuħa.

Bernice Bonello qalet li l-PN irid Malta fejn iż-żgħażagħ ikollhom ċans realistiku li jistudjaw, jaħdmu, jikru jew jixtru dar, jibnu familja u jgħixu b’dinjità. Għalhekk il-PN qed jipproponi aktar appoġġ lill-istudenti, aktar investiment fl-edukazzjoni, xogħol ta’ kwalità u setturi ekonomiċi moderni li joħolqu karrieri ta’ veru u mhux biss impjiegi bin-numri.

Hija qalet ukoll li ż-żgħażagħ għandhom bżonn pajjiż fejn jistgħu jieħdu nifs. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jrid jinvesti mill-ġdid fl-ambjent, fi spazji miftuħa, f’inqas tniġġis, f’inqas traffiku u f’aktar attenzjoni għas-saħħa mentali. Hanwhekk hija rreferiet għas-sistema tat-trasport tal-massa li se jkun qed jibda fl-ewwel mitt jum tiegħu Gvern Nazzjonalista u qalet li din għandha tibda tindirizza l-problema tat-traffiku li ggravat fl-aħħar snin.

Bernice Bonello semmiet ukoll l-importanza li spazji miftuħa li diġà jeżistu jkunu miżmuma kif suppost u mhux jitħallew jiżdingaw biex imbagħad wara snin ta’ telqa l-Ministru jiddeċiedi li jsir ix-xogħol meħtieġ ħalli mbagħad imur jaqta’ ż-żigarella. Dan mhux il-mod kif nieħud ħsieb l-ispazji miftuħa tagħna li huma integrali anke għas-saħħa fiżika u mentali tan-nies.

Il-kandidati tal-PN qalu li l-Gvern Laburista ħalla pajjiż aktar fgat, b’aktar pressjoni fuq it-toroq, l-iskejjel, is-saħħa, il-kirjiet, l-infrastruttura u l-komunitajiet. Għall-kuntrarju, il-PN qed jippreżenta viżjoni li tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru: il-ħaddiem, l-istudent, iż-żagħżugħ, il-familji u l-anzjani.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-kwalità tal-ħajja mhix slogan tal-elezzjoni, imma kemm qed jibqagħlek ħin għall-familja, kemm għandek serħan il-moħħ, kemm għandek spazji miftuħa fejn tistrieħ, kemm tħossok sigur u kemm għandek futur.

Din hija l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista: Nifs Ġdid għall-ħaddiema, Nifs Ġdid fl-edukazzjoni, Nifs Ġdid għaż-żgħażagħ, Nifs Ġdid għal Malta u Għawdex.

05.05.2026