Gvern ta’ frodi biss, frodi spiss
Abela għandu jwaqqaf dan il-frodi u m’għandux iserraħ il-kuxjenza billi jgħid lis-sieħba tal-Ministru trodd lura €20,000. Bartolo u Camilleri għandhom iroddu s-€70,000 kollha lura u jitkeċċew. Il-pajjiż għandu bżonn bidla fil-ħsieb li jista’ jagħtiha biss il-PN
Dan Gvern ta’ frodi biss, frodi spiss.
Din il-ġimgħa reġa’ kellna żewġ każi oħra ta’ skandli u frodi. Minbarra li l-Kumitat Parlamentari għall-Istandards sab lill-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri ħatja fuq il-każ tal-impjieg finta tas-sieħba tal-Ministru Bartolo, kellna wkoll il-każ tal-eks CEO tal-Aġenzija AWAS li l-Qorti sabet li meta kien impjegat tal-gvern, abbuża mill-fondi pubbliċi.
Meta d-Deputat Laburista Rosianne Cutajar kienet qalet li kulħadd jitħanżer, kienet qaxxret is-sitwazzjoni.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta dalgħodu kien qed jindirizza laqgħa ta’ djalogu f’Ħal Balzan. Matul id-djalogu tal-PN tkellmu wkoll żewġ kelliema oħra – Beppe Muscat, accountant miċ-Chamber of SMEs u Dr John Ebejer li huwa Senior Lecturer fl-Università ta’ Malta li għamel riċerka estensiva dwar bliet Ewropej b’enfasi fuq spazji urbani, trasport u turiżmu.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN qal li l-Partit Nazzjonalista hu ffukat fuq il-prijoritajiet tan-nies, b’differenza mill-Prim Ministru Robert Abela li kontinwament jissielet mad-dell tiegħu, l-iskandli u l-frodi tal-Gvern.
Dwar il-każ taż-żewġ Ministri, il-Kap tal-PN qal li Clayton Bartolo u Clint Camilleri għandhom jitkeċċew u għandu jkun il-Prim Ministru li jkeċċihom wara li issa anke l-Kumitat tal-Parlament sabhom ħatja li kkonfoffaw, bażwru biex impjegaw lis-sieħba ta’ wieħed minnhom biex tagħti konsulenza dwar suġġett li la hi kwalifikata fih u lanqas tifhem fih. Hu wissa lil Abela biex ma jippruvax iserraħ il-kuxjenza billi jgħid li s-sieħba tal-Ministru trodd lura €20,000. Iż-żewġ Ministri għandhom iroddu kollox lura, €70,000 – u jitkeċċew, għax għemilhom mhux denju ta’ Ministri u l-mod kif ġabu ruħhom, kif abbużaw u kif iddefendew lilhom infushom juri li ma għandhomx jiġu fdati aktar.
Dwar il-każ tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil (AWAS), il-Kap tal-PN elenka l-lista sħiħa ta’ abbużi li nstab ħati tagħhom fil-Qorti: ħallas għal ikla personali, qabbad ħaddiem imħallas mill-aġenzija pubblika biex waqt il-ħin tax-xogħol għamel tlett ijiem inaddaf id-dgħajsa personali tiegħu, ħa affarijiet li nxtaraw mill-fondi tal-Aġenzija AWAS biex twaħħlu fir-residenza privata tiegħu, u xtara pompa, żebgħa u stainless steel pipe għall-użu personali tiegħu mill-fondi tal-Aġenzija għall-użu personali tiegħu. “Jien m’għandix dubju li dan ukoll irraġuna, kif kienet irraġunat id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar: Kulħadd jitħanżer”, qal Bernard Grech.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ma jistax ikun li l-frodi saru l-ordni tal-ġurnata. Tħares fejn tħares ma tarax ħlief abbużi u frodi, storja ta’ frodi waħda wara l-oħra:
- Frodi tal-karti tal-identità
- Frodi dwar iċ-ċitazzjonijiet tal-karozzi, biex jaħfruhom lil tal-qalba
- Frodi fl-eżamijiet għal-liċenzji tal-karozzi
- Frodi fil-benefiċċji soċjali, b’abbuż fuq min hu l-akbar fil-bżonn u l-vulnerabbli
- Frodi biċ-ċertifikati tal-mard, biex lil tal-qalba jagħtuhom benefiċċju soċjali li m’għandhomx dritt għalih
- Frodi fil-housing soċjali – bħalma għamlu bix-xiri tal-voti fis-Siġġiewi fejn taw postijiet u l-kundizzjoni kienet li jdawru l-vot fuq il-flat fis-Siġġiewi, waqt li min verament għandu bżonn fejn jgħix iħalluh jittewweb
- Frodi b’impjieg fantażma u ħlas ta’ €70,000 għax sempliċiment tkun il-partner tal-Ministru
- Frodi b’kuntratti biex taparsi jagħtu servizz ta’ xogħol u ma jagħmlu xejn, kif kienet għamlet Rosianne Cutajar
- U frodi oħra din il-ġimgħa kkonfermat mill-Qorti: impjegat juża flus pubbliċi, jiġifieri flusna, flusek, għall-interessi personali tiegħu.
“Il-pajjiż għandu bżonn bidla fil-ħsieb biex l-affarijiet isiru b’mod differenti, isiru sew, isiru f’waqthom u jsiru għall-akbar vantaġġ tal-poplu tagħna u ta’ pajjiżna”, sostna Bernard Grech, waqt li kompla li huwa biss il-PN li jista’ jagħti din il-bidla li jrid il-poplu.
Il-PN irid li l-fondi pubbliċi – li ġejjin mill-ġid li jiġġenera wkoll kull min qiegħed fin-negozju – jintużaw biex ikollna aktar attività ekonomika li toħloq il-ġid għal kulħadd, aktar inizjattivi u faċilitajiet edukattivi li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ kull tifel u tifla b’mod individwali, aktar inizjattivi li permezz tagħhom it-tfal ikunu ħassieba, iżjed servizzi tas-saħħa u servizzi soċjali ġodda u aħjar partikolarment għat-tfal u anke fejn tidħol is-saħħa mentali, mediċini aktar riċenti u effettivi, ħaddiema mħallsin tajjeb għax-xogħol li jagħmlu, infrastruttura u toroq aħjar, konnettività aktar spissa u li tista’ torbot fuqha bejn Malta u Għawdex, aktar inizjattivi kulturali u artistiċi, u pajjiż attraenti u isbaħ fejn inkunu nistgħu ngħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.
Bernard Grech fakkar kif qabel l-aħħar budget il-PN ippropona wkoll li titnaqqas it-taxxa għal min hu fin-negozju, li l-ġenituri igawdu minn tnaqqis fl-income tax waqt li qed irabbu t-tfal, u li l-anzjani u l-pensjonanti jingħataw aktar żidiet. Imma filwaqt li f’dawn il-każi kollha l-Gvern irrifjuta, ma’ dawk li jiddeċiedu li jitħanżru mill-fondi pubbliċi jimxi mod ieħor.
Għax il-Prim Ministru huwa dgħajjef u jinsab fuq id-difiża, qed jagħmel għażla konxja, li jħalli lil tal-qalba jitħanżru. U għall-frodi tagħhom qed inħallsu aħna.
Il-Kap tal-PN temm jgħid li l-Prim Ministru għandu jmexxi bl-eżempju u jwaqqaf dan il-frodi kollu. Inutli li jippruvaw jgħadduna biż-żmien bit-taparsi sorry. Ir-responsabbiltà hi fuq Robert Abela, the buck stops with him. Xejn inqas u xejn iktar.
24.11.2024